Edukazzjoni Lokali Parlament

Nuqqas ta’ kordinament u viżjoni fl-edukazzjoni

Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino kkritika lill-Gvern b’nuqqas ta’ kordinament u viżjoni għas-settur importanti tal-edukazzjoni, bil-Gvern ma jpoġġix l-edukazzjoni fost il-prijoritajiet elenkati fid-diskors tal-baġit u jħalli l-istennija għal-Liġi tal-Edukazzjoni wara li l-konsultazzjoni ilha li bdiet minn Jannar 2014.

Meta tkellem fid-dibattitu tal-lejla fil-Parlament dwar il-vot fil-Baġit għall-Ministeru tal-Edukazjzoni, George Pullicino qal li l-affarijiet fis-settur tal-edukazzjoni mhumiex daqstant feliċi.
Hu ċar li l-edukazzjoni m’għadhiex prijorità għaliex mhix inkluż
a fost il-prijoritajiet elenkati fid-diskors tal-Ministru tal-Finanzi. Wieħed jifhem għaliex l-MUT qalet li l-baġit ma jindirizzax il-problemi tal-qasam edukattiv. Jidher ċar li l-affarijiet mhux qed isiru bi ħsieb.

Diretturi u assistenti diretturi qed jesprimu dwejjaq
George Pullicino qal li hemm rapporti li diretturi u assistenti diretturi qed jesprimu dwejjaq għaliex qed jingħataw struzzjonijiet konfliġġenti.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-każ tal-għoti tal-kotba mill- Malta Gay Rights Movement juri t-taħwid li qed ikun hemm. L-ewwel il-Ministru qal li kien jaqbel mal-għotja u l-kotba se jkunu fl-iskejjel. Meta kiber it-tħassib tal-ġenituri, id-deċiżjoni bdiet tiġi rtirata bil-mod il-mod u wara qbil, il-Ministru kiteb li l-kotba ma kinux se jitqassmu lit-tfal.

Nuqqas ta’ konsultazzjoni
George Pullicino qal li din il-kwistjoni wriet in-nuqqas ta’ konsultazzjoni u turi wkoll li l-Gvern l-ewwel jimplimenta mbagħad jara r-reazzjoni u jibda jaddatta ruħu minflok jikkonsulta mill-ewwel.
Dan in-nuqqas ta’ konsultazzjoni deher ukoll fl-eżerċizzju biex ikun hemm diskussjoni mal-ġenituri u l-għalliema dwar il-qafas ġdid tal-kurrikulu nazzjonali.
George Pullicino qal li nuqqas ieħor min-naħa tal-Ministru tal-Edukazzjoni kien dwar il-proposta biex l-iskejjel jibdew siegħa qabel bħala soluzzjoni għall-problema tat-traffiku. Baqa’ ma qal xejn sakemm beda jkun hemm ir-reazzjoni ta’ ħafna li opponew l-idea.

Ma tinżammx il-wegħda ta’ skola ġdida kull sena
Id-Deputat Nazzjonalista qal li fil-Baġit intqal li se jibda jingħata stipendju lill-istudenti maturi meta l-Ministru jaf tajjeb li dan kien diġà jingħata. Ma żammx il-wegħda li tinbena skola ġdida kull sena kif għamlet l-amministrazzjoni preċedenti.
Minbarra manutenzjoni fl-iskejjel hemm bżonn tkabbir u bini ta’ aktar skejjel. George Pullicino qal li fid-Design Institute tal-MCAST qed jidħlu 60 student fil-laboratorji meta suppost jidħlu 20 biss.

Tifel Tablet

It-tender għat-tablets għadu ma ħariġx
Fost affarijiet oħra George Pullicino staqsa għaliex għadu ma ħariġx it-tender għat-tablets. Għaliex tnaqqas b’€50,000 il-vot taċ-Children’s Breakfast Club. Għaliex hemm tnaqqis ta’ €2.5 miljun fl-infiq kapitali tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada. Għaliex kien hemm ħsieb ġdid dwar l-għotja lill-istudenti Għawdxin minn €800 għal €300.

George Pullicino qal li filwaqt li l-proġett għall-bini tal-kampus tal-MCAST waqa’ lura, il-Gvern qed jibqa’ jinsisti li x-xogħol hu avvanzat. Mistoqsijiet oħra kienu dwar iċ-Childcare Centres ġodda u dwar il-bini propost tal-ITS ġdid.

Staqsa għaliex dan il-bini hu stmat li jiswa €56 miljun li jiġi daqs nofs il-proġett kollu tal-kampus tal-MCAST f’Raħal Ġdid. Staqsa għaliex fi Smart City u mhux viċin iċ-ċentru turistiku f’Pembroke kif kien ippjanat.

Dwar il-proposta għal skola ġdida fil-Gżira Ġuże Ellul Mercer li kien maħsub li tilqa’ 260 student, qal li meta fetħet kellha 40 student u issa qed jingħad li hemm 70. Dan kollu juri nuqqas ta’ ippjanar kif ikkummentat ukoll l-MUT.

Stennija għal-Liġi tal-Edukazzjoni
George Pullicino qal li għad hemm stennija għal-Liġi tal-Edukazzjoni wara li l-konsultazzjoni ilha li bdiet minn Jannar 2014. S’issa għad ma hemm l-ebda riżultat ħlief xi emendi tekniċi li ġew approvati mill-Parlament. Id-Deputat Nazzjonalista ħeġġeġ lill-Ministru biex ivara l-abbozz ta’ din il-liġi biex ikunu ċċarati ħafna mistoqsijiet li studenti li jridu jsiru għalliema qed jagħmlu.

George Pullicino qal li t-tagħlim extra kurrikulari għandu jkun rikonoxxut bħala parti mit-teaching load. Staqsa għaliex għalliema jingħataw biss unpaid leave meta jsiefru ma’ studenti fuq safar edukattiv. Il-Gvern għandu jgħin f’dawn l-opportunitajiet. Staqsa wkoll x’ġara fin-negozjati mal-MUT għall-ftehim kollettiv. Ġibed l-attenzjoni dwar ilmenti minn għalliema dwar nuqqas ta’ ndafa u nies li jagħmlu manutenzjoni fl-iskejjel. Ħeġġeġ ukoll biex il-kundizzjonijiet tal-għalliema jitjiebu u jkun hemm inċentivi finanzjarji aħjar ħalli jkun hemm aktar li jaqbu l-professjoni ta’ għalliema.

Investiment biex jogħla l-livell mhux kif jitbaxxa
George Pullicino qal li l-Oppożizzjoni taqbel li jkun hawn investiment iżda dan għandu jkun mezz kif jogħla l-livell mhux kif jitbaxxa. Jinħtieġ li l-Gvern jibni fuq politika ta’ kunsens biex jogħlew il-livelli kif sar fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

George Pullicino qal li jistenna atteġġjament aktar professjonali u reponsabbli miċ-Chairman tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla. Staqsa kif jista’ jemmen li s-suppost università Amerikana se tgħaddi minn passatur serju meta ċ-Chairman tal-Kummissjoni tal-lum għamel ħiltu kollha biex jiddefendi l-fatt li l-istandards tbaxxew meta l-Prim Ministru ħafna qabel beda l-proċess tal-analiżi kien diġà ta kelmtu lill-iżviluppatur.

Higher Secondary studenti

Diskussjoni dwar l-edukazzjoni obbligatorja sa 18-il sena
Id-Deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-MCAST u l-Higher Secondary u fost affarijiet oħra qal li hu importanti li jkun hemm diskussjoni biex l-edukazzjoni obbligatorja tkun ta’ 18-il sena imbasta jkun hemm l-istrutturi meħtieġa biex dan ikun jista’ jsir.

Dwar l-LSAs, George Pullicino qal li hemm kważi 800 student li għadhom jistennew dawn l-assistenti. Minkejja li mill-Oppożizzjoni Evarist Bartolo kien jgħid li t-tfal ma jistgħux jistennew, issa s-sitwazzjoni jinħtiġilha attenzjoni akbar.

George Pullicino qal li l-Gvern qed ihallas diġà kważi nofs miljun ewro konsulenzi fis-sena u ghax mhux bizzejjed għas-sena d-dieħla qed jivvota €160,000 ohra f’salarji, f’pagi u benefiċċji oħra ghal konsulenti. Hu tkellem ukoll dwar id-diffikultajiet ta’ ċerti għalliema li ma kinux preparati għall-bidla ta’ studenti bniet u subien f’daqqa, miżura li ma kinitx imħabbra fil-programm elettorali.

George Pullicino qal li l-Oppożizzjoni temmen fl-edukazzjoni bħala pilastru ewlieni tas-soċjetà b’saħħitha. Għalhekk l-għalliema jridu jkunu megħjuna biex jgħaddu lill-ġenerazzjoni tal-lum il-valuri tal-onestà, il-ġustizzja, l-indipendenza u integrità personali.

Meta wieħed jeżamina x’inhu għaddej fil-qasam tal-edukazzjoni, qal George Pullicino, tasal għall-konklużjoni li dan il-gvern mhux se jwassal biex jinkisbu dawn il-valuri. Mhux għax ma jemminx fihom imma għax għandu nuqqas kbir ta’ kordinament u ta’ viżjoni.