Nofs miljun oħra lill-PBS għaliex ma kienx hemm flus għall-pagi?
Il-Ministru fil-Kabinett tal-Prim Ministru Muscat, li hu responsabblil mix-xandir nazzjonali, kien mitlub fil-Parlament iwieġeb għal sensiela ta’ mistoqsijiet dwar l-operat tax-xandir nazzjonali, il-PBS, u jiddikkjara jekk hux fallut, bid-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli juri kif ix-xandir nazzjonali llum hu fallut żgur fl-ideat u fl-imparzjalità.
Meta dalgħodu kien diskuss fil-Parlament il-Baġit tal-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Kunsilli Lokali, li taħtu taqa’ r-responabbiltà tal-PBS, id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli għamel sensiela ta’ mistoqsijiet dwar l-operat tal-PBS wara ħabi li qiegħed jinżamm mill-Ministru fi tweġibiet għal mistoqsijiet parlamentari.
Semma li l-Ministru minflok wieġeb dwar id-dejn tal-PBS fl-2015, wieġeb dwar is-self tal-PBS fl-2012.
Dwar id-dejn tal-2012, Clyde Puli qal li parti sostanzajli minn dan id-dejn sar biex il-PBS tinvesti fi Creativity Hub biex jagħmel qabża oħra ta’ kwalità billi jagħti spazju akbar għall-kreattività u għall-ħiliet ta’ kull min għandu talent.
Sfortunatament, illum għandna l-bini imma l-pjan li kien hemm mhux jiġi implimentat u qed jintuża fil-ħolqien ta’ jobs għal tal-qalba li splodew il-payroll tal-PBS.
Veru li l-banek kummerċjali ma jridux jisilfu aktar flus lill-PBS?
Staqsa lill-Minsitru Owen Bonnici jgħid hux veru li fl-aħħar ġranet il-Ministru ta l-approvazzjoni tiegħu biex jinagħatw nofs miljun oħra lill-PBS għaliex l-anqas biss kien hemm flus għall-pagi? Veru l-banek kummerċjali ma jridux jisilfu aktar flus lill-PBS? Veru li hemm kontributuri ta’ programmi li ilhom ma jitħallsu minn Ġunju tas-sena li għaddiet? Veru li l-production houses li għamlu l-programmi għad għandhom mijiet ta’ eluf ta’ ewro x’jieħdu tax-xogħol li għamlu?
Staqsa wkoll lill-Ministru jikkonferma jekk kienx korrett dak li qal l-eks-Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef, skont kif irraportat ukoll fuq il-Malta Independent, li qal li l-PBS għandu dejn ta’ madwar €14-il miljun. Staqsa li jekk dan hu minnu, il-PBS jista’ jitqies bħala korporazzjoni falluta.
Clyde Puli saħaq li filwaqt li ċ-ċittadin jistenna mix-xandir nazzjonali informazzjoni korretta, imparzjali u oġġetiva u jkun xandir Malta tassew tal-Maltin, Xandir Malta llum m’huwiex ix-Xandir tal-Maltin.
Il-PBS arma ta’ propaganda f’idejn il-Gvern
Fisser li l-PBS illum irrenda ruħu f’arma ta’ propaganda f’idejn Gvern. Tkellem dwar ir-responsabbiltà li ngħatat minn dan il-Gvern, lil Reno Bugeja, bħala Kap tal-Aħbarijiet, li matul is-snin bena karriera msejsa fuq kredibbiltà ġurnalistika u rispettata minn bosta.
Fisser li l-kredibbiltà tat-tmexxija tan-newsroom tal-PBS ixxelfet u saret strument ta’ manipulazzjoni antidemokratika. Semma kif il-Gvern impjega ġurnalisti ġodda biex ikollu kontroll assolut fil-PBS. Fakkar kif fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista kienu impjegati ġurnalisti b’talent, irrispettivament mill-kulur politiku, tant li kif tela’ Gvern Laburista ħassew li setgħu jmorru jservu f’segretarjat ta’ ministru.
Websajt tax-xandir nazzjonali aktar vicin l-istil tas-Sun
Semma l-eżempju ta’ ġurnalist partikolari li kien jaħdem mal-media Laburista, li l-ewwel iddaħħal jaħdem mal-PBS mingħjar ebda sejħa pubblika, u mbagħad spiċċa l-Kap tal-Websajt ta’ TVM li f’mumenti kienet aktar vicin l-istil tat-tabloid news tas-Sun, milli ta’ xandar nazzjonali.
Semma wkoll il-ħafna drabi li fihom l-Oppożizzjoni fl-aħħar sentejn u nofs kienet iċċensurata. Ikkritika wkoll kif għall ewwel darba fis-snin riċenti, ir-reazzjoni tal-Kap tal-Oppozizzjoni għall-Buġit ma xxandritx b’mod dirett fuq il-PBS.
Tkellem ukoll dwar il-lingwaġġ użat mil-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS, bi kliem li jsaħħaħ il-kredibbiltà tal-Gvern filwaqt li jimmina dik tal-Oppożizzjoni.
Bord editorjali f’idejn Charles Flores
Ikkritika wkoll id-deċiżjoni li ttieħdet meta l-bord editorjali ngħata f’idejn Charles Flores, li kien kap tat-taqsima tal-aħbarijiet fl-era awtoritarja tas-snin 80, sinonima max-xandir tar-Run Rabbit Run, tal-Bonġu Malta Soċjalista u tal-projbizzjoni sfaċċata ta’ isem il-Kap tal-Oppożizzjoni Eddie Fenech Adami, liema struzzjoni ħarġet minn memorandum tal-istess Charles Flores.