Kundanna mill-Kunsillieri kollha
Raġel ta parti mill-ħin tiegħu b’mod volontarju biex jgħin lill-Kunsill fil-ħidma tiegħu għall-ġid tal-lokalità. Iżda s-Sindku tal-lokalità rringrazzjah billi bagħatlu tliet Pulizija wara l-bieb.
Dan ġara fl-aħħar jiem fil-Gudja, hekk kif is-Sindku Laburista John Mary Calleja għamel rapport għand il-Pulizija għax fl-Uffiċċju tal-Kunsill ra resident li għandu diżgwid miegħu għax qal li “qed jgħid kontrih man-nies”.
Dan l-aġir sab il-kundanna tal-Kunsillieri Lokali l-oħra, inkluż tal-Kunsillieri Laburisti. Fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill, il-Kunsillieri talbu li s-Sindku jispjega għaliex seħħ dan l-inċident, bis-Sindku Laburista jwieġeb li dan ir-raġel qed jgħid “kontrih u kontrihom”.
Wara l-ispjega tas-Sindku, l-erba’ Kunsillieri (tnejn tal-Partit Nazzjonalista u tnejn tal-Partit Laburista) għamlu dikjarazzjoni li fiha saħqu li mhu se jwaqqfu lill-ebda resident milli jiġi jinqeda fl-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali.
Huma qalu li jirrikonoxxu li bħala Kunsillieri Lokali qegħdin hemm għall-iskrutinju pubbliku u kull resident jista’ jikkritikahom jew ifaħħarhom mingħajr biża’ li ma jinqediex minn xi servizz tal-Kunsill. Il-Kunsillieri kollha ddikjaraw ukoll li m’għandhomx problema b’dan ir-resident partikolari, anzi jirringrazzjawh tax-xogħol u l-ħin volontarju li jagħti lill-Kunsill.
Huma talbu wkoll li tintbagħat ittra lill-Għassa taż-Żejtun u lill-Kummissarju tal-Pulizija biex tintalab spjegazzjoni għaliex inħasset il-ħtieġa li jibagħtu tliet Pulizija ħalli jwissu resident li kien fl-Uffiċċju tal-Kunsill biex jagħmel ilment.
Din kienet it-tieni darba li l-erba’ Kunsillieri vvutaw kontra s-Sindku. F’laqgħa preċedenti, is-Sindku ried li l-Kunsill imur lura għall-Uffiċċju l-antik, li għadu mhux aċċessibbli għall-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà, bil-kumplament tal-Kunsillieri vvutaw kontra.
//= $special ?>