Il-film Simshar, fuq kitba u direzzjoni ta’ Rebecca Cremona, rebaħ erbgħa minn tnax-il unur waqt il-Bridges International Film Festival li sar fil-Greċja.
Dawn huma l-unur għall-aqwa film, dak għall-aqwa attriċi fil-parti principali kif ukoll il-Best Original Score Award u l-Best Production Design.
Il-film rebaħ ukoll l-unur għall-aqwa feature film drammatiku internazzjonali fl-Edmonton Awards fil-Kanada, fejn intagħżel minn fost 2,000 ammissjoni. Dan filwaqt li s-Sibt li għadda Rebecca Cremona rebħet ukoll special achievement award fl-International Film Festival li sar f’Mannheim, fil-Ġermanja.
Il-film hu bbazat fuq it-tragedja li ħasdet lil pajjizna fis-Sajf tal-2008, it-traġedja tas-Simshar.
Dakinhar splużjoni kienet qerdet id-dgħajsa u ħasdet il-ħajja ta’ Karmeni Bugeja, ta’ 61 sena, Noel Carabott ta’ 33 sena, is-Somalu Abdulrahman Abdala Gedi ta’ 21 sena u Theo Bugeja, ta’ 11-il sena, iben Simon Bugeja, li kien l-uniku persuna li kien fuq id-dgħajsa u salva.
Din it-traġedja ispirat lil Rebecca Cremona biex tipproduċi dan il-film b’paralleliżmu bejn dan l-episodju ikrah fl-istorja ta’ Malta, u t-traġedji kontinwi tal-immigrazzjoni fil-baħar madwar Malta.
Filfatt fil-film, il-persuni li kienu fis-Simshar jintlemħu minn xi persuni li madankollu ma jgħinuhomx għaliex ħasbuhom dgħajsa tal-immigranti.
//= $special ?>

