Internazzjonali Saħħa

Twissija tal-WHO dwar il-perżut u l-bacon

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) wissiet li laħam proċessat bħal bacon, zalzett u perżut jikkawża l-kanċer.
Fir-rapport li nħareġ, intqal li 50 gramma ta’ laħam proċessat kuljum – anqas minn żewġ slices bacon – kienu jżidu ċ-ċansijiet ta’ kanċer fl-istonku bi 18 fil-mija.
Il-WHO iżda insistiet li l-laħam kellu wkoll benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem u kien sors ta’ vitamini importanti.
Il-laħam proċessat hu laħam modifikat bil-kimika biex iżomm aktar jew biex tinbidel it-togħma tiegħu, u hu dan li aktarx ikabbar il-periklu ta’ kanċer fil-bniedem. Anki tisjir f’temperaturi għoljin bħal f’BBQ jista’ jikkawża dik il-kimika li tikkawża l-kanċer fil-bniedem.
Il-WHO waslet għal din il-konklużjoni fuq parir tal-International Agency for Research on Cancer li tevalwa l-aħjar evidenza xjentifika li jkun hawn.
Permezz ta’ dan ir-rapport, il-laħam proċessat tqiegħed fl-istess livell tal-plutonju.
Iżda t-tabib Kurt Straif mill-WHO wissa biex ikun hemm kawtela wkoll u li biċċa ħobż bil-bacon ma kinitx ħażina fil-moderazzjoni. Hu qal li biex wieħed jiżviluppa kanċer fil-musrana minħabba l-konsum tal-laħam proċessat hemm probabbiltà żgħira imma r-riskju jikber skont kemm wieħed jiekol minnu.
Hu stmat li kull sena jkun hemm 34,000 każ ta’ mewt minħabba kanċer li aktarx hu kkawżat minn dieta li jkun fiha ħafna laħam proċessat. Mit-tipjip, kull sena jkun hemm mal-miljun mewta u 600,000 mill-konsum tal-alkoħol.
Il-Professur Tim Key mill-Cancer Research UK u l-Università ta’ Oxford, wissa li dan ma kienx ifisser li wieħed għandu jieqaf jiekol iċ-ċanga u l-laħam proċessat imma li jkun hemm moderazzjoni fil-konsum tagħhom.