Partitarju żagħżugħ ta’ Birkirkara qed jallega li ġie miżmum bi vjolenza minn uffiċjali tal-Pulizija waqt argument li nqala’ fi tmiem l-ewwel taqsima tal-partitissima ta’ tmiem il-ġimgħa bejn Birkirkara u Hibernians.
F’post fuq Facebook, iż-żagħżugħ tella’ ritratti ta’ dak li sofra, u saħaq li hu ma kellux x’jaqsam mal-ġlieda li seħħet fl-Istadium Nazzjonali imma mar fil-post fejn kien hemm il-kommossjoni, akkumpanjat mit-tfajla tiegħu, b’kurżita’ biex jara x’kien qed jiġri.
Iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena Xylon Sammut qed jallega li jista’ jkun li bi zball laqat Pulizija, iżda ma jidirlux li dan seħħ. Minn naħa tagħhom, skont dan il-ġuvni, l-Pulizija daruh, qabduh minn għonqu b’tali mod li ma setax jieħu nifs u ħarġuh mill-grawnd.
Kompla li minn hemm kellu jittieħed f’ċentru tas-saħħa għal eżami mediku minħabba xi ġrieħi ħfief li ġarrab, u wara ttieħed l-għassa biex jirrispondi għal mistoqsijiet dwar dan il-każ.
Dan is-sit bagħat mistoqsijiet lill-Pulizija dwar dan il-każ li minn naħa tagħhom ikkonfermaw li l-każ qed ikun investigat mit-Taqsima tal-Affarijiet Interni.
//= $special ?>