Il-militanti tal-ISIS komplew bl-atroċitajiet fis-Sirja, u l-aħħar barbariżmu seħħ mill-ġdid fil-belt antika ta’ Palmyra. Skont l-aħħar rapporti, l-ISIS iddeċidew li joqtlu tliet priġunieri billi jorbtuhom mal-kolonni f’din il-belt u jtajruhom bl-isplussivi.
L-identità tal-vittmi ma kinitx żvelata iżda hu maħsub li din hi l-ewwel eżekuzzjoni fuq livell hekk makabru mindu l-ISIS, f’Mejju, ħatfu l-kontroll ta’ Palmyra li hi mniżżla bħala sit ta’ patrimonju dinji.
L-ISIS qerdu żewġ tempji ta’ Palmyra li kienu ilhom weqfin 2,000 sena, flimkien ma’ monumenti importanti oħra fl-inħawi li huma fost l-aktar ċentri kulturali importanti tad-dinja antika. L-aġenzija UNESCO, l-entità tan-Nazzjonijiet Uniti inkarigata mill-kultura, ikkundannat din il-qerda bħala reat tal-gwerra.
Ingħad li l-qtil tal-priġunieri li spiċċaw marbutin mal-kolonni ta’ żmien ir-Rumani seħħ nhar il-Ħadd u d-dettalji qed joħorġu proprju issa. Attivisti fiz-zona, fl-istess ħin, ma jeskludux li l-ISIS qed iwettqu dawn l-atroċitajiet biex jiġbdu l-attenzjoni tal-istampa.
//= $special ?>