Ftit huma dawk il-karozzi rappurtati li jdaħħnu li jeħlu mit-test. Fl-2013 kien hemm aktar minn 12,500 rapport iżda weħlu biss 21. Fl-2014 u din is-sena, s-sitwazzjoni baqgħet l-istess. Fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena daħlu kważi 5,000 rapport u fallew it-test tnejn biss.
Ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport, Marthese Portelli, appellat lill-Gvern fil-Parlament jieħu azzjoni u jkun attiv u jitneħħew il-karozzi li jdaħħnu mit-toroq biex intejbu l-kwalità tal-arja. Staqsiet ukoll jekk hemmx xi mezzi kif qed jiżgiċċaw minn dan it-test.
Meta tkellem dwar il-Baġit tal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, Marthese Portelli tkellmet dwar l-importanza tal-kwalità tal-arja fl-ambjent.
Semmiet li t-traffiku u l-emissjonijiet mill-karozzi huma perikolużi tant li jħallu effett qawwi fuq il-mard respiratorju. Semmiet il-levell ta’ gassijiet f’Ħ’Attard, fejn fl-20 ta’ Ottubru fil-11am kien jeċċedi l-livell tollerabbbli.
Semmiet ukoll kif l-aħħar rapport tal-Enemalta dwar l-emissjonijiet kien f’Marzu ta’ din is-sena.
F’sentejn u nofs ebda proġett ta’ spazju miftuħ
Ix-Shadow Minister saħqet li għalkemm it-traffiku u l-Enemalta mhix fir-responsabbiltà tal-Ministru tal-Ambjent, hemm Kabinett li għandu jaħdem flimkien biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu tagħna. Ikkritikat li f’sentejn u nofs ma sarux proġetti ġodda ta’ spazji fil-miftuħ u llum għandna gvern tal-ispazju magħluq u taċ-ċrieki magħluqa.
Ħaddiema fil-Wasteserv fil-periklu minħabba nuqqasijiet ta’ saħħa u sigurtà
Marthese Portelli semmiet l-istat fil-Wasteserv bil-ħaddiema ilhom xhur jiġbdu l-attenzjoni dwar in-nuqqasijiet u l-istat miskin li jinsab fih il-qasam tas-saħħa u s-sigurtá li qed jaħdmu l-impjegati fejn il-periklu hu kbir. Jidher li s-saħħa u s-sigurtà qed tittieħed b’mod leġġer u ġibdet l-attenzjoni tal-Ministru Leo Brincat biex jinvestiga għaliex saħqet li kieku jaf x’hemm għaddej, żgur li mhux se jħalli dawn in-nuqqasijiet għaddejjin.
Ħaddiem iweġġa’ fl-impjant tal-Wasteserv fix-Xewkija
Semmiet li l-ġimgħa l-oħra ħaddiem tal-Wasteserv weġġa’ sew fix-Xewkija u staqsiet fejn hu l-management, min hu responsabbli f’Għawdex, u min ħareġ l-istruzzjonijiet li wasslu għal dan l-inċident. Staqsiet jekk in-nies li qed jingħataw ir-responsabbiltajiet għandhomx l-esperjenza u l-kwalifiċi meħtieġa. Appellat lill-Gvern jinvesti aktar f’dan il-qasam u biex il-Ministru jordna li s-saħħa u s-sigurtà fil-Wasteserv tingħata prijorità.
Il-Gvern injora emendi importanti dwar liġijiet ambjentali
Dwar l-ambjent u l-viżjoni tal-Gvern, Marthese Portelli qalet li l-politika tal-ambjent tikxef jekk pajjiż li jagħtix kas lill-ambjent jew le. Spjegat li tul dawn is-sentejn u nofs l-Oppożizzjoni dejjem ipparteċipat u ħadmet b’mod attiv bi kritika kostruttiva, b’soluzzjonijiet u alternattivi.
L-Opożizzjoni tkellme bi proposti fil-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, presedut mid-Deputat Laburista li faħħret għall-mod imparzjali kif tmexxi d-diskussjonijiet ta’ dan il-Kumitat.
Semmiet li dwar l-iSPED, l-Oppożizzjoni ressqet l-emendi u l-kritika tagħha. Ikkritikat lill-Gvern li jew injora l-aktar emendi bżonnjużi biex iħares l-ambjent, jew irranġa ftit kliem li baqgħu xorta joħolqu dubji kbar.
Semmiet li fil-każ taż-Żonqor, il-MEPA spiċċat tagħmel dak li tiddetta Kastilja flok l-interess tal-poplu Malti.
Bżonn ta’ rappreżentanza tal-NGOs u ta’ esperti indipendenti fil-bordijiet
Semmiet ukoll ix-xogħol fil-Kumitat tal-Abbozzi fejn fl-aħħar xhur kien hemm tliet liġijiet importanti – dik tat-tibdil fil-klima, dwar il-protezzjoni tal-ambjent u l-liġi tar-regolatur tal-enerġija u l-ilma. Filwaqt li fit-tibdil tal-klima saru emendi li kienu aċċċettati mill-Gvern, fiż-żewġ liġijiet l-oħrajn il-Gvern injora l-emendi tal-Oppożizzjoni. Saħqet li jekk verament il-bordijiet b’rabta mal-ambjent ikunu effettivi, għandu jkun hemm rappreżentanza tal-NGOs, ta’ esperti indipendenti u esperti miċ-ċivil.
Ikkritikat ukoll li l-appelli tal-Oppożizzjoni dwar ir-regolatur tal-ilma u l-enerġija, taħt il-Ministru ta’ Konrad Mizzi, waqgħu fuq widnejn torox għaliex l-interess ewlieni tal-Gvern kien li jassigura kontroll assolut fuq ir-regolatur.
L-Oppożizzjoni mhix se tieqaf issemma leħinha dwar l-isfreġju fiż-Żonqor
Ikkrtikat id-deċiżjoni tal-Ministru tal-Ambjent li jmur fiż-Żonqor u jitkellem favur il-proġett, u li għandu jkun sagrifikat iż-Żonqor għall-iżvilupp propost. Saħqet li l-Oppożizzjoni se tkun qed taħdem fil-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u Ippjanar li se jkun qed jara s-siti alternattivi għall-iżvilupp fiż-Żonqor. Saħqet ukoll li l-Oppożizzjoni mhix se tieqaf hawn u se tara għaliex bilfors iż-Żonqor u x’possibbiltajiet oħrajn kien hemm.
Ikkritikat li l-impenn politiku tal-Gvern li irregala l-ambjent fit-tielet diviżjoni. Dan hu konfermat mill-kritika qawwija li kellu l-Gvern fl-aħħar sentejn u nofs mill-għaqdiet ambjentali u mill-NGOs.
L-iżvilupp mill-Ġordaniżi ma kienx isir kieku ma sarx f’art ODZ
Ix-Shadow Minister saħqet li l-Oppożizzjoni mhix se tkun kompliċi fl-isfreġju ambjentali li qed jagħmel il-Gvern waqt li fakkret fil-proposta li ressqet fid-dokument ta’ qabel il-Baġit biex l-art ODZ ma tibqax tintrema u tingħata valur.
Fissret li l-proġett mill-Ġordaniżi fiż-Żonqor ma kienx ikun possibbli kieku ma sarx f’art ODZ. Akkużat lill-Gvern li l-art ODZ hi inferjuri u mezz biex jakkomoda lill-kuntratturi li jridu faċilità biex jiżviluppaw attività kummerċjali f’art ODZ.
Ikkritikat ukoll li l-impenn tal-Gvern dwar l-ambjent hu dgħajjef u ineżistenti u dan jirrifletti wkoll fil-qasma tal-MEPA u kif se jifred l-ambjent mill-ippjanar.
Tkellmet ukoll dwar il-Green Economy u d-dokument li ħareġ il-Gvern għall-konsultazzjoni, li fissritu bħala inizjattiva tajba li iżda mhux se jilħaq l-iskop tiegħu u mhu se jbiddel xejn. Appellat lill-Gvern itejjeb u jaġġorna dan id-dokument.
Appellat lill-Gvern li biex inkunu fuq ta’ quddiem fil-qasam ambjentali rridu nkunu aħjar minn pajjiżi oħrajn.