Minkejja l-ħafna propaganda u paroli tal-Gvern Laburista, il-ħaddiema Għawdxin qed imorru agħar ma’ Joseph Muscat. Eżempju ta’ dan hu t-tnaqqis fil-paga medja f’Għawdex, li f’sena naqset b’223 ewro. Dan hu r-riżultat tal-politika żbaljata ta’ Muscat, hekk kif hu inkwetanti wkoll il-fatt li l-paga medja f’Għawdex hi 1,160 ewro anqas mill-paga medja f’Malta. Dan kollu hu ta’ tħassib għall-Għawdxin li qed jaraw l-opportunitajiet ta’ xogħol jonqsu ġurnata wara l-oħra.
Dan qalu x-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha tkellem dwar il-fatt li l-Budget 2016 fih biss 50 kelma dwar ix-xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin. Din hi konferma oħra li għall-Gvern Laburista, ix-xogħol f’Għawdex mhux veru prijorità, iżda l-prijorità tal-Gvern hi li jitħallsu l-Konsulenti dejjem jiżdiedu mal-Ministeru għal Għawdex.
Dwar l-aċċessibbiltà, Chris Said qal li l-Gvern ta’ Muscat ħela’ tliet snin meta abbanduna kollox biex qabbad kumpanija Ċiniża blacklisted mill-Bank Dinji minflok ma kompla jibni fuq l-istudji li saru mill-Gvern Nazzjonalista dwar il-vijabbiltà tal-bini ta’ mina bejn iż-żewġ gżejjer. Appella biex il-Gvern ma jkomplix jaħli aktar ħin u jgħaddi ż-żmien bl-Għawdxin.
Chris Said irrefera wkoll għall-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li qed jissarraf f’inċertezza kbira għall-ħaddiema u l-familji tagħhom, kif ukoll għall-poplu Għawdxi li sal-lum jinqeda mill-Isptar pubbliku mingħajr ma jħallas. Għamel numru ta’ mistoqsijiet dwar din il-privatizzazzjoni, fejn fost l-oħrajn sfida lill-Gvern jgħid jekk hux se jintmissu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Frederick Azzopardi rrefera għall-wegħdiet li saru fil-Budget 2015 u li ma sar xejn minnhom. Filwaqt li qal li dawn il-wegħdiet kienu u baqgħu fuq il-karta għax ma sar xejn, Frederick Azzopardi appella lill-Gvern biex ma jitrattax lill-Għawdxin bħala tat-tieni klassi u jistmahom ta’ nies bħall-oħrajn.
//= $special ?>