Lokali

F’Malta: Erba’ membri tal-Familja Rjali flimkien għall-ewwel darba fuq żjara statli

Hekk kif għaddejjin it-tħejjijiet għaċ-CHOGM li se jsir Malta f’Novembru, dalgħodu tħabbru dettalji tal-iżjara statali tal-Familja Irjali.

Ir-Reġina Eliżabetta II, flimkien mad-Duka ta’ Edinburgh, kif ukoll il-Prinċep Charles u Camilla d-Duċessa ta’ Cornwall k ollha se jkunu qed iżuru pajjiżna bejn is-26 u t-28 ta’ Novembru.

Din m’hijiex l-ewwel darba li r-Reġina tar-Renju Unit se tkun qed iżżur iżda din hija l-ewwel darba li l-erba’ membri tal-familja rjali – jiġifieri r-Reġina u r-raġel tagħha u l-eredi għat-tron u l-mara tiegħu – se jkunu fuq żjara statali barra r-Renju Unit kollha f’daqqa.

Il-Ħamis tħabbar li wara talba mill-Gvern Malti, ir-Renju Unit se tkun qed tipprovdi sistemi ta’ sigurtà u difiża f’Malta, kemm waqt iċ-CHOGM u ż-żjara statali tal-Familja Irjali, kif ukoll waqt is-Summit dwar l-Immigrazzjoni li se jsir qabel.

Il-programm uffiċjali tal-Familja Rjali jibda l-Ħamis 26 ta’ Novembru, bir-Reġina u d-Duka ta’ Edinburgh li se jintlaqgħu mill-Prim Ministru fl-Ajruport. Minn hemmek huma jmorru Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta fejn jintlaqgħu mill-President ta’ Malta. Hemmek tingħata l-merħba ċeremonjali.

L-impenji tar-Reġina matul iż-żjara tagħha ta’ tlett ijiem se jkunu jinkludu riċeviment ad unur il-poplu Malti fil-ġonna ta’ San Anton, l-ikla tradizzjonali taċ-CHOGM, dawra bid-dgħajsa fl-ibħra tal-Port il-Kbir u żjara l-korsa taż-żwiemel il-Marsa fejn ir-Reġina se ssegwi logħba tal-Polo parti mill-Mediterranean Cup.

Ir-Reġina se tkun qed tattendi wkoll il-ftuħ uffiċjali taċ-CHOGM se jsir l-għada tal-wasla tal-Familja Irjali, il-Ġimgħa 27 ta’ Novembru.

Mhux se jonqsu numru ta’ impenji oħra mill-erba’ membri tal-Familja Irjali, li se jsegwu programmi t’attivitajiet differenti. Matul iż-żjara tagħha, ir-Reġina se tkun qed toqgħod il-Palazz tal-President f’San Anton.