Il-Viċi Kap Nazzjonalista Mario de Marco qal li minkejja l-wegħdiet li saru qabel l-elezzjoni, il-Gvern Laburista mhux qed jagħti importanza lis-sitwazzjoni ta’ dawk li qed isibuha diffiċli jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja u jagħti importanza akbar biex jaġevola lil tal-qalba.
Fid-diskussjoni dwar il-voti tal-Ministeru tal-Finanzi, Mario de Marco, qal li l-Ministeru tal-Finanzi għandu l-obbligu li jara li d-dħul u nfiq tal-Gvern ikunu sostenibbli. Il-Gvern qed jiftaħar li l-ekonomija qed tikber. L-Oppożizzjoni qed tistaqsi jekk hux qed jiġu mħarsa l-interessi ta’ kulħadd u jekk humiex jitħarsu wkoll l-interessi tal-ġenerazzjonijiet futuri. L-Oppożizzjoni tħoss li dan mhux isir.
Mario de Marco qal li l-ekonomija f’pajjiżna, matul din is-sena li waslet biex tispiċċa, kibret b’rata akbar mill-medja Ewropea. Dan hu fatt pożittiv u hu wkoll il-pass li kien ilu jseħħ f’pajjiżna fl-aħħar tmin snin. L-ekonomija Maltija kibret anke meta fl-UE naqset b’riżultat tal-kriżi ekonomika dinjija. Dan it-tkabbir sar bil-ħila tal-gvernijiet li jkunu qed jiggvernaw iżda anke bil-ħila tal-imprendituri u ħaddiema Maltin u Għawdxin.
L-ekonomija kibret għaliex taħt l-amministrazzjoni preċedenti nstabu niċeċ ġodda u anke ġew imsaħħa s-setturi li diġà kienu jeżistu. L-għajnuna miksuba f’żewġ baġits tal-UE għenu ħafna biex l-ekonomija nżammet għaddejja b’pass tajjeb. L-ekonomija kibret ukoll għaliex kien hawn is-serħan tal-moħħ u pajjiżna gawda minn rispett kbir. Il-Gvern għandu jirrikonoxxi s-sehem li ta kulħadd anke l-amministrazzjonijiet preċedenti.
Il-Gvern mhux ġust fl-analiżi tiegħu dwar l-ekonomija
Mario de Marco qal li l-Gvern sab ekonomija soda u ma kellux għalfejn jibni ekonomija mill-ġdid kif kellu jagħmel Gvern Nazzjonalista fl-1987. Mhux ġust li Gvern jitkellem dwar djun u ma jitkellimx dwar investiment li sar. Mhux ġust li l-Gvern ma jitkellimx dwar il-prezz taż-żejt illum u dak li kien snin ilu. Wieħed jistenna li l-Gvern preżenti mhux biss imur tajjeb daqs ta’ qablu iżda hu mistenni minnu li jmur aħjar.
Is-settur tat-turiżmu, tal- i-gaming u tas-servizzi finanzjarji sejrin tajjeb. Is-settur tal-manifattura mhux sejjer daqstant tajjeb. Skont ċifri uffiċjali, fl-2012 l-esportazzjoni żdiedet fuq is-sena ta’ qabel, iżda fl-2013 u l-2014 kien hemm tnaqqis. Fl-ewwel tmien xhur tas-sena kien hemm żieda marġinali iżda dan ma jurix li jista’ jwassal biex jirkupra t-telf li kien hemm fl-aħħar sentejn.
Mario de Marco staqsa x’għamel dan il-baġit biex ikabbar l-esportazzjoni., bir-rapporti internazzjonali juru li Malta tinsab fl-aħħar post fil-qasam tal-ekonomija diġitali.
Industrija anqas kompetittiva bit-taxxa flok l-ekokontribuzzjoni
Il-Viċi Kap Nazzjonalista qal li filwaqt li tneħħiet l-ekokontribuzzjoni, ġiet sostiwita b’taxxa. Dan sar mingħajr ebda konsultazzjoni. Il-mod kif iddaħlet din it-taxxa se tkun qed tagħmel lill-industrija tagħna inqas kompetittiva.
Mario de Marco qal li jittama li l-Gvern jerġa’ jaħsibha dwar il-mod kif jimplimenta dak li ħabbar u jsib sistemi aħjar.
Fisser ukoll li l-ispiża fl-infiq rikorrenti kibret bi 22%, li hu d-doppju ta’ kemm żdiedet l-ispiża tal-Gvern preċedenti f’ħames snin.
Mario de Marco qal li n-numru tal-ħaddiema tal-Gvern żdiedu sostanzjalment fl-aħħar snin. Bejn it-tieni tliet xhur tas-sena li għaddiet u t-tieni tliet xhur ta’ din is-sena, l-impjiegi mal-Gvern żdiedu b’4,000 persuna, bl-istatistika turi li l-pagi taċ-Civil jaqbżu l-medja ta’ 9% tal-prodott gross domestiku.
Mario de Marco qal li ekonomija b’saħħitha tikber mhux bl-infiq tal-Gvern iżda bl-infiq tas-settur privat. It-teorija tal-ekonomisti hi li normalment tkun ta’ 75% mill-privat u 25% mill-Gvern. Ir-rata tal-konsum tal-Gvern illum qed tlaħħaq mat-28%. L-istess ċifri juru li n-nefqa tal-Gvern kibret b’rata akbar minn dik tas-settur privat.
Il-Gvern mar żmerċ bi €80 miljun fil-pagi tas-settur pubbliku
Mario de Marco qal li dan il-Gvern dejjem mar żmerċ fuq il-previżjoni dwar il-pagi tas-settur pubbliku. Il-Gvern mar żmerċ fil-kalkoli tiegħu bi €80 miljun. Irrimarka li l-ewwel 160 passaport li se jbigħ il-Prim Ministru se jagħmlu tajjeb għall-kalkolu żbaljat li sar dwar il-pagi tas-settur pubbliku.
Mario de Marco qal li jirriżulta wkoll li hemm żieda ta’ 400 persuna fis-settur tar-real estate, u talab lill-Ministru jispjega l-ħtieġa għal din iż-żieda.
Irrimarka wkoll li r-rata tal-ħaddiema mal-Gvern f’Malta għadha għolja meta mqabbla mal-medja f’pajjiżi Ewropej, bil-credit agencies jiġbdu wkoll l-attenzjoni tal-Gvern dwar in-numru ta’ ħaddiema fis-settur pubbliku.
Mario de Marco qal li fir-rapporti dwar il-kompetittività ta’ pajjiżna, Malta baqgħet taqa’ lura u dan hu attribwit għall-burokrazija li minkejja ż-żieda fin-numru ta’ ħaddiema baqgħet ma naqsitx.
Mario de Marco qal li ma kienx għad-dħul li ġie mill-ħlas tas-sisa dovut mill-Enemalta, id-dejn nazzjonali kien ikun ferm akbar minn dak li qed jgħid il-Gvern. Dan sar bi dħul ta’ darba billi nbiegħu assi tal-Enemalta meta biegħ l-impjant tal-BWSC.
Il-Gvern se jdaħħal mill-inqas €5 miljun mis-sisa ogħla fuq il-petrol u d-diesel
Ikkritika wkoll lill-Gvern li qiegħed iżid is-sisa fuq il-petrol u d-diesel li permezz tagħha l-Gvern se jdaħħal mill-inqas €5 miljun u se jkollha effett fuq il-kompetittività tal-industrija lokali.
Mario de Marco qal li d-dejn nazzjonali fl-aħħar sentejn se jkun tela’ €600 miljun. Dan ifisser €500,000 kuljum.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista qal li l-fatti juru li l-persuni li jgħixu fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar qed jiżdiedu. Illum hawn kważi 100,000 persuna li jgħixu f’dan ir-riskju, bil-Gvern jixxaħħaħ mal-batut u jerħi idu ma’ tal-qalba. Filwaqt li fl-UE sar progress fil-ġlieda kontra l-faqar, pajjiżna mar luram meta żdied ukoll in-numru ta’ dawk li ma jistgħux ilaħħqu mal-pagamenti li jridu jagħmlu.
Tiżdied it-taxxa fuq dawk li ma jifilħux jixtru vettura ġdida
Matul l-2014 iddaħlu ’l fuq minn 400 taxxa li l-Gvern jgħid li huma żieda fil-ħlasijiet tas-servizzi governattivi. Din is-sena, fost oħrajn, se tkompli tiżdied it-taxxa fuq dawk li ma jifilħux jixtru vettura ġdida.
Mario de Marco qal li veru fil-baġit hemm żieda fil-pensjoni minima, iżda din mhix biżżejjed biex tgħin fid-diffikultajiet li ħafna għandhom. Hu qal li l-Oppożizzjoni qed tgħid li għandu jkun hemm diskussjoni għall-kunsiderazzjoni dwar l-introduzzjoni tas-second pillar fil-pensjonijiet u mhux neċessarjament li jaqbad li jintroduċiha.
Elf jinqatgħu mir-reġistru tax-xogħol
L-Oppożizzjoni taqbel mal-miżuri biex aktar nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Taqbel ukoll li jkunu attakkati dawk li jabbużaw mill-benefiċċji soċjali iżda m’għandux isir attakk fuq min hu vulnerabbli. It-tnaqqis ta’ aktar minn 1,000 persuna mill-irreġistrar iqanqal dubji dwar jekk dawn kinux kollha qed jabbużaw. Talab lill-Gvern jgħid x’kienu r-raġunijiet għall-qtugħ ta’ dawn in-nies.
Staqsa fejn hi l-viżjoni fil-baġit ta’ din is-sena u meta l-ġenerazzjonijiet futuri se jħarsu lura m’huma se jaraw ebda proposta tal-Gvern preżenti biex ikabbar l-eknomija ħlief dik tal-bejgħ tal-passaporti.
Il-Gvern qed jimxi aktar b’mira finanzjarja milli b’mira edukattiva fl-iżvilupp taż-Żonqor
Mario de Marco qal li filwaqt li jaqbel li jkun hawn investiment minn universitajiet rinomati barranin, hu jikkritika l-ħabi li għadu miexi bih il-Gvern. Ma jaqbilx lanqas li l-università proposta mill-Gvern qed titmexxa aktar b’mira finanzjarja milli b’mira edukattiva. Dan hu proġett li qed iħalli dubji kbar kemm din hi verament università u li hi wisq inqas Amerikana.
Staqsa wkoll jekk il-Ministru tal-Finanzi kienx ikkonsultat u involut fil-ħlas dwar il-Cafè Premier u dwar il-ħlas fl-iskandlu ta’ Gaffarena.
Mario de Marco qal li l-Ministru qiegħed quddiem il-Parlament bħala politiku u bħala politiku għandu jkun responsabbli għan-nuqqas ta’ trasparenza u għall-mod kif twarrbu nies kompetenti biex posthom għadda lin-nies tal-qalba.
//= $special ?>