Internazzjonali

Iċ-Ċina urtata dwar il-movimenti ‘illegali’ ta’ bastiment Amerikan

Uffiċjali fiċ-Ċina kkundannaw il-movimenti ta’ bastiment tal-gwerra Amerikan qrib il-grupp ta’ gżejjer polemikużi fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinhar.

Kelliema f’Beijing fissru l-movimenti tad-destroyer ‘USS Lassen’ bħala ‘illegali’ wara li l-bastiment daħal fiz-zona ta’ 12-il mil nawtiku li waqqfet iċ-Ċina madwar il-gżejjer artifiċjali ta’ Subi u Mischief, fl-arċipielgu ta’ Spratly.

L-azzjoni bbażata fuq il-kunċett tan-navigazzjoni ħielsa titqies bħala sfida serja għall-jeddijiet taċ-Ċina fuq dawn il-gżejjer artifiċjali.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Ċiniż qal li l-bastiment Amerikan ingħata twissija minn qabel u l-azzjonijiet tiegħu qed jitqiesu bħala theddida għas-sovranità taċ-Ċina. Il-kelliema Ċiniżi għamluha ċara li Beijing għandu jwieġeb b’determinazzjoni għall-azzjonijiet provokattivi u premeditati minn kwalunkwe pajjiż.

Iżda l-US Navy Commander Bill Urban, bħala l-kelliem għad-Dipartiment tad-Difiża Amerikan, sostna li l-Istati Uniti qed tmexxi missjonijiet ta’ rutina fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinhar skont il-kriterji tal-liġi internazzjonali.

Iċ-Ċina qed tinsisti li għandha dritt ewlieni fuq l-Ibħra tal-Lvant u n-Nofsinhar taċ-Ċina li huma sinjuri fir-riżorsi.