Għall-bdiewa, raħħala u sajjieda l-Baġit għas-sena d-dieħla hu riċiklaġġ tal-baġits l-oħra li ppreżenta diġà dan il-Gvern. Baġit ukoll li jkompli juri kemm dan hu gvern li ma jagħtix prijorità lis-setturi tal-agrikoltura u s-sajd.
Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li dan qed jgħiduh dawk fis-settur li għaddej minn żminijiet diffiċli. Baġit ieħor li qed iħalli dubji u konfużjoni fost il-bdiewa u r-raħħal li qed iħossuhom ukoll traduti mill-wegħdiet ta’ qabel l-elezzjoni.
Semma li fil-biedja, hemm il-preokkoupazzjoni dwar il-pitkalija u n-nuqqas ta’ investiment li qed jippreokkupa ħafna bdiewa u raħħala. Ikkritika lill-Gvern li għalaq il-pitkalija f’Għawdex, u f’dik ta’ Malta l-Gvern Laburista qata’ ħesrem l-opportunità li jsir titjib u investiment.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni qal li l-problema tal-Gvern hi li ma jemminx fil-prodott agrikolu Malti. Staqsa għalfejn waqaf il-proġett tal-Pitkalija li kellu l-appoġġ ukoll tal-Kummissjoni Ewropea. Saħaq li ċ-ċipep mal-kaxxi tal-pitkala mhux se jsolvi l-problemi fil-pitkalija.
Spejjeż akbar għall-bdiewa u r-raħħala
Dwar in-nuqqas ta’ kaxxi fil-pitkalija, Toni Bezzina qal li l-Gvern ħareġ l-offerti tard u dan joħroġ ċar minn tweġibiet li ta l-Gvern stess li dam ikaxkar saqajh u ma żammx maż-żmien ta’ Frar. U flok ma l-Gvern ikkumpensa l-bdiewa, ħareġ Avviż Legali bi spejjeż aktar għall-bdiewa u r-raħħala.
Dwar il-ftehim li jolqot il-produtturi tat-tadam, Toni Bezzina qal li jgħid x’jgħid il-Gvern, il-bdiewa ma kinux konsultati dwar it-tibdil li kien hemm, u dan qed isostnuh il-bdiewa li qed jargumentaw li l-produzzjoni tat-tadam qattt ma tista’ tkun stabbli kif iridha l-Gvern.
Ikkritika wkoll li l-Ministru jew Segretarju Parlamentari responsabbli mill-biedja u s-sajd mhux responsabbli mill-amministrazzjoni tal-fondi tal-UE. Saħaq li dan ma jagħmilx sens. Ikkritika wkoll li l-aġenzija biex jippromwovi l-prodott Malti għadha lanqas ma twaqqfet, minkejja li ilha tiġi mwiegħda fi tliet baġits.
Il-Gvern ħalla r-raħħala tal-irziezet b’xiber imnieħer
Dwar ir-raħħala, il-Gvern ħalla lir-raħħala tal-irziezet bit-tama li jieħdu l-fondi għat-tined u ħallihom b’xiber imnieħer meta issa qed jiftaħar li rebaħ kawża dwar dwan.
Tkellem ukoll dwar ir-raħħala tal-majjal u fisser li dan hu settur li iktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed iħabbat wiċċu ma’ sfidi ġodda u aktar id-domanda għall-majjal lokali qed tonqos. Irrimarka li l-qatla tal-majjal f’dawn l-aħħar snin niżlet bin-nofs, hemm il-kwistjoni marbuta mal-kwota u ta’ kemm hemm irziezet li għadhom jiffunzjonaw. Staqsa x’qed jigri mill-kwota marbuta ma’ min għandu razzett iżda m’għadux operattiv. Staqsa wkoll jekk hux veru li l-majjali ta’ barra (pet pigs) qegħdin jinqatlu għall-ikel, u x’permessi hemm marbuta maż-żamma u qtil ta’ dawn t-tip ta’ majjali.
Tkellem ukoll dwar dak li ħabbret il-Kummissjoni Ewropea biex tippromwovi għajnuna ġdida lil dan is-settur, u rrimarka li l-Gvern għadu ma ħabbar xejn kif ir-raħħala se jibbenefikaw minn dawn l-għajnuniet meta pajjiżi oħrajn diġà ħabbru kif is-settur se jkunu megħjun.
Tinda tal-asbestos fil-parkeġġ tal-Pixkerija
Fatttur ieħor inkwetanti hu l-parkeġġ tal-Pixkerija u qal li t-tinda li qed tintuża għall-parkeġġ hi tal-asbestos. Appella lill-Gvern jieħu azzjoni fuq dan il-periklu.
Is-sajjieda bla risposta dwar it-tiġdid tal-liċenzja
Appella wkoll lill-Gvern jieħu azzjoni dwar it-tiġdid tal-liċenzja għas-sajd li mhux qed tiġġedded minħabba li m’għandhomx liċenzja nawtika. Ilmenta li s-sajjieda għadhom bla risposta dwar taħriġ u korsijiet biex is-sajjieda ma jkunux imxekkla minn xogħolhom.
Staqsa wkoll lill-Gvern jispjega x’se jagħmel aktar dwar l-Għammieri; l-Istitut tal-Agrikoltura fl-MCAST u dak fl-Università; dwar il-programm ta’ żvilupp rural; l-esportazzjoni li lanqas biss issemmiet fil-Baġit; il-koperattivi u l-għaqdiet tal-bdiewa li għalihom m’hemmx inizjattivi ġodda.
L-Oppożizzjoni lesta tagħti kontribut
Toni Bezzina tenna li l-Oppożizzjoni lesta tagħti kontribut favur l-għajnuna meħtieġa għas-settur tal-biedja, raħħala u sajjieda.