Lokali Parlament

Il-Gvern għandu jimplimenta l-proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar it-trasport

Ritratt: Arkivji

…u jieħu inizjattivi aktar b’saħħithom favur l-użu ta’ karozzi elettriċi għal anqas emissjonijiet fl-arja

L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern jieħu aktar miżuri b’saħħithom u aktar inizjattivi effettivi biex jitnaqqas l-effett tal-emissjonijiet tat-traffiku fuq is-saħħa u l-ambjent. Appellat lill-Gvern jimplimenta l-proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni u jipprovdi trasport lill-istudenti fl-iskejjel tal-knisja u indipendenti, u għal aktar inċentivi biex jintużaw il-karozzi elettriċi.

Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus tkellem fil-Parlament fid-dibatttu dwar il-Ministeru responsabbli mill-ambjent, dwar l-effett tal-emissjonijiet u tat-traffiku fuq l-ambjent. Sejjaħ għal inizjattivi li jwasslu għal bidla fil-kultura biex nidraw li bħalma niċċarġjaw il-mowbajl kuljum, niċċarġjaw ukoll il-karozzi elettriċi.

Sejjaħ lill-Gvern ma jevalwax il-problema tat-traffiku biss mil-lat ekonomiku, għax hu importanti aktar li nnaqqsu l-emissjonijiet li qed jikkawżaw periklu għas-saħħa tagħna. L-emissjonijiet jistgħu jikkawżaw il-kanċer kif hu wkoll konfermat xjentifikament.
Li ntaffu l-problema tat-traffiku rridu narawha mil-lenti ta’ saħħa għax meta nkunu fit-trafifku nkunu qed nesponu aktar għal sitwazzjonijiet ta’ emissjonijiet akbar.

Il-proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni għat-trasport b’xejn għall-istudenti kollha tikkontribwixxi għal anqas emissjonijiet.
Staqsa għal fejn intqal li se jsir studju dwar il-proposta tal-Oppożizzjoni. Esprima t-tama li dan mhux raġuni biex il-Gvern ma jaċċettax proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Wissa li aktar ma ndumu ma nintroduċun miżuri ġodda, aktar jikber il-periklu tal-emissjonijiet għas-saħħa tagħna.

Id-Direttorat tal-Ambjent nieqes għalkollox mil-laqgħat pubbliċi tal-MEPA
Dwar il-qasma ta-MEPA, Ryan Callus qal li rappreżentanti mid-Direttorat tal-Ambjent huma neqsin għalkollox mil-laqgħat pubbliċi tal-MEPA. Filwaqt li r-riforma tal-MEPA għadha ma daħlitx, diġà hemm effetti ta’ din il-qasma tal-MEPA b’rappreżentanti ta’ dan id-Direttirat diġà assenti għax ħadd ma jistedinhom mid-Diretturi tal-MEPA. Dan biex ma jitkellmux favur l-ambjent. Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-Ministru għall-Ambjent ma jistax jibqa’ kwiet quddiem din is-sitwazzjoni.

Semma wkoll li kien hemm ħafna li tkellmu dwar il-qasma tal-MEPA, bi kritika li l-poteri issa se jiġu aktar f’idejn il-politiċi. Kritika oħra qawwija hi li d-Direttorat tal-Awtorità mhux se jkollhom siġġu permanenti fil-Eżekuttiv. Staqsa x’inhi l-pożizzjoni tal-Ministru fil-Kabinett dwar dan.

Ikkritika li għad hemm in-nuqqas ta’ Direttur tal-Ambjent u staqsa kif jista’ l-ambjent qatt ikollu vuċi. Appella biex min jinħatar ma jkunx pupazz tal-Gvern bit-tama li d-Direttur tal-Ambjent ikun verament il-gwardjan tal-ambjent u mhux bħall-Kap Eżekuttiv tal-MEPA li qal li ħa direzzjoni mingħand il-Gvern dwar l-iżvilupp fiż-Żonqor.

Tkellem ukoll dwar l-iskart u qal li hawn ukoll jeħtieġ isir aktar meta l-landfill tal-Għallies waslet lejn it-tmiem tagħha u m’hemmx għażliet s’issa qudddiem il-gvern. Dwar is-separazzjoni tal-iskart, wara li ngħalqet il-Magħtab u nħolqu l-engineered landfills, il-Gvern irid jitkellem dwar l-istrateġija nazzjonalii dwar l-ambjent.

Staqsa jekk għandniex niddeċiedu bis-serjetà li nesportaw l-iskart u jekk hemmx pjani li noħolqu enerġija mill-iskart.