Lokali Parlament

Il-Gvern għandu jirrevedi l-pjan ekonomiku

L-Oppożizzjoni hi ambizzjuża għall-pajjiżna u appellat lill-Gvern jirrevedi u jsaħħaħ il-pjan ekonomiku, inaqqas l-ispejjeż fuq is-settur pubbliku u jgħaddi l-prezzijiet orħos fl-enerġija, fil-petrol u d-diesel lill-konsumatur biex jagħti nifs lill-familji u lis-settur tal-industrija u n-negozju.

Dan l-appell lill-Gvern sar mid-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono meta tkellmet fil-Palament fid-dibattitu dwar il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar.

Kristy Debono tat ħarsa minn fejn telaq il-Gvern sentejn u nofs ilu meta paragunata ma’ kif bdiet l-amministrazzjoni preċedenti bil-kriżi ekonomika internazzjonali bil-gvern jaddatta għal din is-sitwazzjoni u ħalla ekonomija b’saħħitha fit-tmiem tal-leġislatura.

Dwar l-għajta tal-Gvern Laburista għal bidla fir-rotta biex jikseb riżultati li kien qal li ma kienx hemm f’setturi ġodda, Kristy Debono staqsiet x’inhuma l-miri tal-iżviluppaturi Ġordaniżi, x’inhu l-pjan għas-saħħa fil-qasam tal-isptarijiet u fil-bejgħ tal-passaporti li l-Gvern qed iqishom bħala vetrima għall-investiment fl-ekonomija u li mistenni li joħolqu l-impjiegi.
Ikkritikat lill-Gvern li ħareġ biss bi draft policy għas-settur tal-loġistika li kellha tkun in-niċċa ekonomika ġdida.

Kastilja Laqgha Kabinett 250214

Jitkabbar is-settur pubbliku flok il-wiegħda li jonqos b’elf fis-sena
Dwar il-qasam tal-impjiegi, id-Deputat Nazzjonalista qalet li qed naraw fenomenu fis-setttur pubbliku li flok iwettaq il-wiegħda li jonqos b’elf fis-sena, iżidu bil-kbir. Din mhix biss kritika tal-Oppożizzjoni iżda wkoll tal-imsieħba soċjali li saħqu l-importanza li ninċentivaw il-privat flok ma nkabbru s-settur pubbliku.

Dwar ir-rata tal-qgħad, Kristy Debono qalet li dan hu eżerċizzju f’impjiegi bla rażan biex jonqsu n-numri ta’ dawk li qed jirreġistraw, bil-Gvern joħloq stampa xejn reali tas-suq tax-xogħol. Pajjiżna jinsab fid-19-il post u taħt il-medja ta’ tkattir ta’ impjiegi fl-UE.

Lil hinn mid-diskors tal-Gvern fil-baġit, l-esportazzjoni fl-ewwel sentejn naqset, bil-Gvern iwieġeb li dan ġej minn industrija partikolari.

Sfida oħra hi fis-settur tal-manifattura li qed ikompli jesperjenza tnaqqis drastiku b’waqgħa ta’ €90 miljun. Appellat għal inizjattivi li joħolqu opportunitajiet f’dan is-settur biex nissalvagwardjaw l-impjiegi fil-manifattura bil-Gvern għandu jgħid fejn irid jasal.

Dwar l-għoli tal-ħajja, il-kelliema tal-Oppożizzjoni kkritikat li l-Gvern ma qalx kif iqabbel iż-żieda mal-bqija tal-Ewropa meta għandna l-ogħla rata ta’ inflazzjoni li taffettwa l-aktar lil dawk f’riskju ta’ faqar.

Il-paga medja naqset
Fl-aħħar sentejn ukoll, il-paga medja f’termini nominali żdiedet iżda f’termini reali naqset b’anqas flus fl-idejn paragunat ma’ sentejn ilu.

Tkellmet ukoll dwar dak li jsostni l-Baġit – li t-tkabbir ekonomiku se jkun qed jistrieħ fuq l-element tal-prezz taż-żejt li se jkompli jinżel. Dwar dan fakkret li l-Oppożizzjoni ppreżentat tliet fatturi ewlenin – dak li l-prezz taż-żejt hu fl-anqas livelli, li l-Gvern beda jiffranka miljun ewro fil-ġimgħa bl-impjant tal-BWSC, u t-tħaddim tal-interonnector ma’ Sqallija. Irrimarkat li f’Awwissu li għadda l-interconnector ta bħala kapaċità 90% tal-enerġija. Staqsiet kif f’Awwissu ħadna daqstant u l-Gvern qed jgħid li f’xhur oħrajn ikun hemm l-Isqallin jikkompetu u Malta tispiċċa tixtri b’rata ferm ogħla. Fissret li dan hu argument li ma jreġġix u l-Gvern irid jispjega.

drinking-soda luminata soft drinks

Taxxa li se tirrifletti fi prezz ogħla tal-flixkun
Tkellmet ukoll dwar id-deċiżjoni tal-Gvern li fil-Baġit l-Eko-Kontribuzzjoni bidilha f’sisa. Ikkritikat lill-Gvern li seta’ kien aktar sensittiv fl-introduzzjoni ta’ din it-taxxa, u ma qalx kif se jogħlew il-prodotti bażiċi li se jkunu affettwati minn din it-taxxa bħalma hu fuq il-fliexken minerali u tal-ilma. Taxxa se tkun ogħla minn dik li kien hemm u li se tirrifletti fi prezz ogħla tal-flixkun.

Semmiet ukoll l-aspett importanti tal-kompetittività, bil-pajjiż jaqa’ mill-aspett tal-innovazzjoni fit-48 post. Għall-ewwel darab wkoll waqa’ lura fis-settur tal-IT fl-indiċi tal-kompetittività. L-Oppożizzjoni fissret li ppreżentat mozzjoni fuq id-drititjiet diġitali u appellat lill-Gvern biex il-mozzjoni tiġi diskussa u tgħaddi bħala liġi li tixpruna s-settur tal-IT.

Nuqqas ta’ viżjoni fl-ekonomija diġitali
Fissret li l-Gvern naqas ukoll li joffri viżjoni fl-ekonomija diġitali, fis-setturi finanzjarji u tal-gaming, u tistenna direzzjoni mill-Gvern fil-pjan ħolisitku għal niċeċ ekonomiċi ġodda.

Appellat ukoll għal investiment bilgħaqal u fit-tul fis-sistema tat-traffiku biex ma tkunx ta’ imbutattura ‘l isfel fl-investiment dirett barrani.