Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, wissa li l-kriżi tal-immigranti tista’ thedded l-għaqda fl-Unjoni Ewropea.
Meta kellem lill-Parlament Ewropew fi Strasburgu, Tusk qal li din hi l-akbar sfida li l-UE kellha tiffaċċja f’għaxar snin waqt li l-President tal-Parlament, Martin Schulz, akkuża lill-Gvernijiet Ewropej b’li qed ipoġġu l-interessi nazzjonali qabel l-impenn lejn soluzzjonijiet ‘bħala komunità’.
L-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati (UNHCR) qalet li ’l fuq minn 700,000 immigrant waslu fl-Ewropa bid-dgħajjes (s’issa) din is-sena. Dan meta l-awtoritajiet ta’ diversi pajjiżi Ewropej qed isibuha diffiċli ferm biex ilaħħqu mal-influss tal-immigranti li ħafna minnhom ġejjin mis-Sirja u zoni oħra ta’ konflitt.
Donald Tusk spjega li l-kriżi għandha l-potenzjal li tibdel l-UE u tkisser prinċipji bħall-ftehim ta’ Schengen li jippermetti moviment ħieles mill-fruntieri ta’ diversi Stati membri. Hu tenna li dawn ‘mhumiex bidliet għall-aħjar’ filwaqt li jinħtieġu ‘miżuri straordinarji għal żmenijiet straordinarji’.
//= $special ?>