Futbol Sport

Il-pagament li tajna lill-FIFA kien żball – Franz Beckenbauer

Il-President tal-Kumitat Organizzattiv tat-Tazza tad-Dinja tal-2006,Franz Beckenbauer, qal li l-pagament li tat l-FA Ġermaniża lill-FIFA ‘kien żball’ imma fl-istess waqt enfasizza li l-flus ma ġewx użati biex jinxtraw il-voti biex il-pajjiż jikseb id-dritt li jorganizza t-Tazza tad-Dinja.
Beckenbauer kien qed jikkumenta dwar l-allegazzjonijiet tal-ġurnal Der Spiegel li qed jallega li kien twaqqaf fond ta’ €6.7 miljuni minn flus privati tal-eks kap tal-Adidas Robert Louis-Dreyfus li llum-il ġurnata hu mejjet.

Il-Ġermanja rebħet id-dritt li torganizza t-Tazza tad-Dinja tal-2006 bi 12-il vot kontra l-11-il vot tal-Afrika t’Isfel. Der Spiegel qed jgħid li l-flus aktar tard kienu tħallsu lura lin-negozjant Żvizzeru Dreyfus fl-2005 u ntużat il-FIFA biex il-flus ma jidhrux. Intqal li l-kumitat organizzattiv tal-Ġermanja ħallas €6.7 m bħala kontribuizzjoni għal ċerimonja gala li saret fl-istadium Olimpiku ta’ Berlin u li aktar tard tħassret. Der Spiegel qed jallega wkoll li Franz Beckenbauer u l-Presiedent tal-FA Ġermaniża (DFB) Wolfgang Niersbach kienu jafu b’dan il-fond.

F’kummenti li ta Beckenbauer ikkonferma li sar dan il-pagament imma qal li sar biex aktar tard il-FIFA offriet għajnuna finanzjara lill-istess Kumitat li organizza t-Tazza tad-Dinja li eventwalment intrebħet mill-Italja.

“Jien bħala President tal-Kumitat organizzattiv nerfa’ r-responsabbiltà. Dan il-ħlas kien sar biex aktar tard il-FIFA stess offritilna għajnuna finanzjarja. Iżda meta nħares lura nasal nammetti li din il-mossa kienet żball. Madankollu niċħad li dawn il-flus intużaw biex nakkwistaw il-voti,” qal Beckenbauer.

Ta min jiftakar li jiem wara dawn l-akkużi Niersbach kien sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet fejn qal lill-ġurnalisti li sakemm hi għaddeja investigazzjoni minn naħa tad-DFB ma seta’ jwieġeb l-ebda mistoqsijiet.