Isostnu li se jkollha impatt negattiv fuqhom u fuq l-ambjent waqt li se tieħu nofs wieħed mill-ftit spazji miftuħa li fadal fl-inħawi minn fejn tista’ titgawda veduta panoramika tal-Port il-Kbir
In-nies tal-Birgu għadhom għaddejjin bil-protesti tagħhom mal-awtoritajiet biex permess għal gabbana tal-ikel fil-belveder tal-Birgu ikun rifjutat mill-Environment and Planning Review Tribunal tal-Awtorità Maltija tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) minħabba li l-post magħżul se jieħu post zona ta’ rikreazzjoni għat-tfal, l-anzjani u t-turisti, waqt li se jimblokka l-veduta panoramika tal-Port il-Kbir li tista’ titgawda minn kull min iżur il-post.
Il-ġurnal In-Nazzjon jirrapporta li l-Bord tal-MEPA, b’erba’ voti kontra xejn, kien diġà rrifjuta li joħroġ il-permess sħiħ (Full Development Permit) għall-gabbana faċċata tas-Simenta, minħabba li nkisret kundizzjoni tal-Outline Development Permit li ħareġ fl-2008 u anke għax l-iżvilupp imur kontra r-regoli tal-MEPA stess dwar il-kjosks.
Iżda l-applikant appella minn din id-deċiżjoni u l-każ issa jinsab quddiem it-Tribunal tal-MEPA għal deċiżjoni finali.
Il-Kunsill tal-Birgu kien irtira r-rakkomandazzjoni tiegħu fuq il-bażi li ġie mqarraq mill-applikant li kien qed jgħid li r-residenti huma favur il-proġett meta ma kienx il-każ. Apparti minn dan, ma kien sar l-ebda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika kif kien imwiegħed.
Issa, fl-aħħar seduta tat-Tribunal tal-MEPA li saret fl-20 ta’ Ottubru, l-applikant talab biex il-Kunsill Lokali tal-Birgu jagħti spjegazzjoni dettaljata għaliex irtira r-rakkomandazzjoni tiegħu, u s-seduta li jmiss hi skedata għat-12 ta’ Novembru.
Dan il-proġett qanqal ir-reazzjonijiet ta’ entitajiet varji li huma kontra dan l-iżvilupp, inkluż il-Vittoriosa Historical Society, it-Three Cities Foundation, Flimkien għal Ambjent Aħjar u Din l-Art Ħelwa.
Il-Cottonera Rehabilitation Comittee ddiskuta l-applikazzjoni iżda ma daħalx fil-każ. Jirriżulta li lanqas is-Superintendent tal-Wirt Kulturali għadu ma daħal fil-każ.
Quddiem din is-sitwazzjoni kienet saret petizzjoni li fiha nġabru madwar 350 firma kontra l-proġett. Ir-residenti bagħtu l-oġġezzjonijiet tagħhom kemm lill-MEPA kif ukoll lill-Kunsill Lokali tal-Birgu.
Ir-residenti Ġirbin issa qed jappellaw lit-Tribunal tal-MEPA biex jikkonferma l-istess pożizzjoni tal-Bord tal-MEPA u ma japprovax il-permess.
Huma qed isostnu li l-gabbana jkollha impatt ħażin ħafna fuq ir-residenti u fuq l-ambjent. L-inkonvenjent mhux biss mill-irwejjaħ tat-tisjir u l-istorbju imma wkoll bil-problema ta’ parkeġġ li se tinħoloq hekk kif kull spazju pubbliku qed jittieħed għal skop kummerċjali.
L-applikazzjoni hi għal kjosk tal-injam maġenb il-belveder fi Triq La Vallette li fih isir it-tisjir bl-imwejjed u s-siġġijiet. Ir-residenti qed jgħidu li l-gabbana, li se tkun għolja tliet metri, se tieħu nofs l-ispazju miftuħ li hemm fl-inħawi, u li hu fost il-ftit spazji miftuħa li fadal fiz-zona biex jintużaw għal rikreazzjoni mill-familji.
Dwar il-każ, f’April ir-residenti kienu talbu wkoll lill-Qorti toħroġ mandat ta’ inibizzjoni biex twaqqaf lill-MEPA milli toħroġ il-permess, imma din it-talba ma ntlaqgħetx għax il-Qorti qalet li r-residenti ma ġabu l-ebda prova li kienu registered objectors – fi kliem ieħor naqsu milli jirreġistraw l-oġġezzjoni tagħhom bħala terzi persuni kontra l-permess.
Min-naħa tagħhom ir-residenti kienu lmentaw li minkejja li huma kienu qed joġġezzjonaw għal dan il-proġett, il-MEPA naqset milli tinfurmahom dwar id-data tas-smigħ tal-2008 fuq l-applikazzjoni inizjali u għalhekk ma setgħux ikunu preżenti biex iressqu l-oġġezzjonijiet tagħhom.
//= $special ?>

