Il-miljunarji u li qed jixtru l-passaport Malti ġejjin minn pajjiżi li ftit tista’ tikkontrolla u tkun taf dwarhom
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo wassal fil-Parlament it-tħassib tas-settur tan-negozju, tal-industrija u l-investituri dwar il-bejgħ tal-passaport Malti u qal li hemm tħassib serju li ħadd ma jista’ jiskrutinja l-passat ta’ dawk is-sinjuri u l-miljunarji li qed jixtru l-passaport Malti u li ġejjin minn pajjiżi li ftit tista’ tikkontrolla u tkun taf dwarhom.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għadda dawn ir-rimarki fid-dibattitu dwar il-Baġit meta l-Parlament iddiskuta l-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar.
Semma li t-tħassib tal-SMEs, tan-negozju u investituri hu dwar il-bejgħ tal-passaporti, u kif dawn qed jirrikorru għaċ-ċittadinanza Maltija. Staqsa għalfejn persuna tkun trid tixtri passaport ta’ pajjiż ieħor, jekk mhux biex taħrab minn pajjiżha fejn tkun qed tgħix?
Spjega li l-inkwiet tas-settur tan-negozju hu li ħadd ma jista’ jiskrutinja l-passat ta’ dawk li qed jixtru l-passaport tagħna, u jekk dawn humiex ta’ kompetituri kbar li bis-saħħa finanzajrja tagħhom kapaċi jkunu ta’ dannu kbir għall-investituri u l-industrija f’pajjiżna.
Robert Arrigo kompla jwassal l-ilmenti tas-settur tan-negozju b’rabta wkoll ma’ dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru, li bħala CEO ta’ Malta, qiegħed jagħmilha ta’ salesman mhux ta’ CEO. Irrimarka li CEO tajjeb ikun manager tajjeb u mhux ibigħ, u dan ukoll qiegħed jinkwieta lin-negozji u investituri kbar f’pajjiżna.
Baġit ieħor ta’ “se nagħmlu” u “se niddiskutu”
Robert Arrigo sejjaħ it-tielet Baġit ta’ dan il-Gvern bħala baġit ieħor li fih jiddominaw il-kliem “se nagħmlu” u “se niddiskutu”. Irrimarka li dan id-diskors ilu jintuża fil-baġits ta’ qabel, bil-konsultazzjoni ilhom għaddejjin kważi tliet snin u staqsa jekk il-Gvern hux se jasal.
Semma li l-baġit jinkludi fih ukoll taxxi fuq is-settur tan-negozju li qiegħed ikompli jerfa’ aktar piżijiet li issa jrid jara kif se jindirizza d-diffikultajet li se jkompli jinħolqu u jiżdiedu ma’ dak li diġà hemm.
Talba għal rebate ta’ 15% fuq il-kontijiet tad-dawl għall-industrija u SMEs
Appella lill-Gvern li jekk hu veru pro-business, mill-prezz internazzjonali orħos taż-żejt u mis-sisa aktar li se jdaħħal bil-prezzijiet li stabbilixxa sa Marzu li ġej, jikkunsidra li jagħti 15% rebate fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma lill-SMEs, lil-lukandi u lill-industrija li ma tantx ħadu minn dan il-Baġit.
Staqsa wkoll x’hini r r-rata ta’ interessi fuq start-ups u staqsa li quddiem il-garanzija bankarja li ta għall-bini tal-power station, il-Gvern jistax inaqqas ir-rata tal-interessi tal-BOV għal sitt xhur għal min qiegħed jinvesti.
Il-Gvern żamm il-garanzija bankarja moħbija
Staqsa wkoll għaliex garanziji bankarji wkoll ma jsirux ma’ konsorzji Maltin li jidħlu fi proġetti simili. Irrimarka li investituri Maltin kienu juru interess fil-bini tal-power station kieku kienu jafu bil-ħsieb tal-Gvern li jagħti garanzija bankarja.
Stieden lill-Gvern jikkunsidra miżuri fiskali lill-industrija tal-lukandi għal titjib tal-prodott hekk kif irrimarka li s-self-employed ma tantx gawda minn dan il-baġit.
Il-Gvern m’għandux jibqa’ jdum ma jħallas ir-refund tal-VAT
Appella lill-Gvern jagħti lis-settur tan-negozju jagħti r-refunds tal-VAT b’sistema aktar faċli u mingħajr demwien jekk il-Gvern jgħid li hu favur in-negozju. Saħaq li s-settur tan-negozju ma jistax iħalli flus għand il-Gvern mingħajr ma jħallas ebda interessi.
Tkellem ukoll dwar il-bejjiegħa tal-monti u qal li hemm ħafna wkoll mistoqsijiet dwar x’se jsir minn dawk tal-Belt, u fejn se jkunu allokati. Talab ukoll lill-Gvern jispjega x’irriżulta u xkien deċiż wara l-laqgħa li saret mal-bejjiegħa tal-monti f’Marsaxlokk.