Lokali

Jgħoddha b’waħda wara li waqa’ 19-il filata f’ġibjun f’Għawdex

Ħaddiema jintbagħtu jittestjaw makkinarju u inġenji fl-impjant tal-Wasteserv fix-Xewkija li għadu fi stat ta’ kostruzzjoni u nieqes minn miżuri ta’ sigurtà

Benny Vella, missier ta’ tlett itfal mix-Xewkija, ħelisha b’miraklu wara li fl-aħħar jiem waqa’ 19-il filata għal ġo ġibjun fl-impjant tal-Wasteserv fix-Xewkija, Għawdex.

Dan l-inċident ġara meta Benny Vella, li għandu 57 sena, waqa’ mill-bokka tal-ġibjun – li ma kienx mimli bl-ilma – u li kienet mgħottija biss b’biċċa injama. Dak il-ħin hu kien qiegħed isuq gaffa meta niżel minnha biex jara jistax jgħaddi minn parti għall-oħra tal-impjant.

L-impjant tal-Wasteserv fix-Xewkija għadu fi stat ta’ kostruzzjoni iżda fih dan l-aħħar intbagħtu numru ta’ ħaddiema biex jagħmlu testijiet fuq makkinarju u inġenji oħra li se jintużaw fil-proċess tar-riċiklaġġ tal-iskart f’Għawdex li fil-preżent qed jinġabar b’mod temporanju f’sit fix-Xagħra.

Benny Vella waqa’ għoli ta’ 19-il filata u kellhom ikunu membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li ħadmu biex tellgħuh minn dak il-fond. Hu ġarrab ġrieħi serji iżda qatt ma kien fil-periklu tal-mewt. Hu mistenni jerġa’ jkun operat fil-jiem li ġejjin.

Fil-post tal-inċident issejħu wkoll il-Pulizija, filwaqt li l-vittma ta’ dan l-inċident ittieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-kura permezz ta’ ambulanza.

Ħaddiema tal-Wasteserv f’Għawdex li tkellmu ma’ Netnews.com.mt urew id-diżappunt tagħhom kif huma qed jaħdmu f’dan is-sit li mhux biss għadu fi stat ta’ kostruzzjoni, imma fih numru ta’ perikli għalihom.

Fil-fatt il-bokka minn fejn waqa’ Benny Vella kienet mgħottija sempliċement bi njama meta suppost li din kellha tkun magħluqa bi pjanċa ħoxna tal-ħadid li sservi bħala għatu.

Fortunatament għal dan il-ħaddiem, dan l-inċident ma kienx wieħed gravi ħafna, iżda faċilment dan jista’ jgħoddha b’waħda għax li taqa’ minn għoli ta’ 19-il filata u tibqa’ ħaj mhix xi ħaġa komuni, qalilna ħaddiem ixxukkjat b’dan l-inċident.