Ġimgħa ilu sar il-Kampjonat nazzjonali tan-NABBA u waqt is-serata spikka Darren Borg li rebaħ il-klassi tal-‘Bodybuilding’. Għall-kuntrarju tas-snin preċedenti, waqt dan il-Kampjonat ġew introdotti numru ta’ kategoriji ġodda bħal ma huma l-‘Fitness model’ u l-i’Sports model’. Minkejja li assoċjazzjonijiet bħal ma huma n-NABBA u l-IFBB huma primarjament assoċjazzjonijiet marbuta mal-bodybuilding wieħed irid jgħid li matul l-aħħar snin, l-akbar attrazzjoni qed tkun f’dawn il-kategoriji li qed jattiraw numru kbir ta’ parteċipanti.
Fil-kategorija tal-‘Bodybuilding’ Darren Borg rebaħ billi għeleb l-isfida ta’ Antoine Zerafa magħruf aktar bħala l-‘Bunny’ fost id-dilettanti lokali ta’ dan l-isport. Għal Borg u Zerafa din kienet it-tieni darba li kienu qed jikkompetu din is-sena hekk kif it-tnejn li huma ħadu sehem fil-Kampjonati Mondjali tan-NABBA li saru proprju f’Malta f’Ġunju li għadda.
Zerafa kien f’kundizzjoni ferm aħjar milli kien f’Ġunju u offra sfida denja lil Borg li minn naħa tiegħu, reġa’ spikka l-aktar grazzi għall-kundizzjoni li kien fiha. Wieħed jista’ jgħid li fejn tidħol kundizzjoni ta’ ġilda irqiqa Borg żgur li hu wieħed mill-aqwa atleti li jispikka f’dan ir-rigward f’pajjiżna. Issa Borg u Zerafa se jkunu qed jikkompetu fin-NABBA Universe nhar is-Sibt 31 ta’ Ottubru fil-belt ta’ Southport fl-Ingilterra.
Fil-kategorija tal-‘Fitness Model Men’ kien Massimo Fabri li rebaħ hekk kif għeleb l-isfida ta’ Clive Grech u ta’ Nigel Sullivan li spiċċaw fit-tieni u fit-tielet post rispettivament. Fabri hu żgħażugħ promettenti fejn tidħol il-kategorija li hi aktar magħrufa mad-dilettanti bħala ‘Physique’ u din fil-fatt ma kinitx l-ewwel kompetizzjoni li ħa sehem fiha din is-sena. F’April li għadda dan kien ħa sehem ukoll fil-Kampjonat nazzjonali tal-IFBB.
Fil-kategorija tal-i’Sports Model’ kien Kyle Bianco li ħareġ rebbieħ. Bħal Fabri, din ma kinitx l-ewwel esperjenza fuq l-istage għal Bianco li f’April li għadda kien ukoll ikkompeta fil-kampjonat nazzjonali tal-IFBB. Ta min jgħid li din id-darba Bianco kien f’kundizzjoni ferm aħjar milli kien fiha f’April u ta’ dan ġie ippremjat hekk kif għelb l-isfida ta’ George Vella u Jason Ciantar li spiċċaw it-tieni u t-tielet rispettivament.
In-nisa wkoll kienu maqsuma f’żewġ kategoriji, ‘Bikini’ u ‘Fitness model’. Fil-bikini kienet Tara Ebejer li rebħet proprju fl-ewwel darba li kienet qed tikkompeti. Fit-tieni post spiċċat Rachel Bezzina filwaqt li fit-tielet post spiċċat Caroline Abela.
Sabrina Micallef rebħet il-kategorija tal-‘Fitness model’ meta għelbet l-isfida ta’ Samantha Mifsud u Karen Scicluna.
//= $special ?>