Internazzjonali

L-Afganistan u l-Pakistan jagħmlu l-kalkoli tat-terremot qattiel

Irrankaw l-isforzi tas-salvataġġ għan-nies affettwati mit-terremot kbir ta’ nhar it-Tnejn li ħalla mewt u ħerba qalb iz-zoni remoti tal-Afganistan u l-Pakistan.

Mietu ’l fuq minn 360 fit-terremot li rreġistra 7.5 fuq l-Iskala Richter u l-maġġoranza tal-mejtin jinsabu f’inħawi tal-Pakistan. It-theżżiża anki ħalliet ’il fuq minn 2,000 midruba u fl-aħħar sigħat, l-iskwadri tas-salvataġġ intbagħtu lejn l-inħawi qalb il-muntanji biex jagħtu l-ewwel għajnuna u jevalwaw il-qerda totali.

Il-President tal-Afganistan Ashraf Ghani ħeġġeġ lir-residenti fl-inħawi affettwati mit-terremot biex jagħmlu li jistgħu ħalli jgħinu l-ħidma tas-salvataġġ. Dan meta l-mejtin fl-Afganistan telgħu għal 115, bl-awtoritajiet lokali jikkonfermaw il-qerda ta’ eluf ta’ djar, flimkien ma’ skejjel, moskej u bini oħra.

Il-militanti tat-Taliban li jikkontrollaw uħud miz-zoni affettwati appellaw lill-aġenziji tal-għajnuna biex ma jżommux lura mill-provvisti tas-sostenn. Mifhum ukoll li t-Talibani huma lesti biex jgħinu l-impenji ta’ fejda.

Sadanittant, saru l-funerali ta’ 12-il tifla tal-iskola Afgani li mietu mgħaffġin qalb il-paniku ta’ waqt it-terremot. Dawn il-bniet kienu qed jippruvaw joħorġu mill-klassijiet ta’ skola li tinsab fil-provinċja ta’ Takhar, lejn it-Tramuntana mbiegħda tal-Afganistan.

Bħalissa, ħafna nies madwar ir-reġjun huma kostretti li jorqdu barra taħt kundizzjonijiet ta’ friża u fost il-biża’ li jintlaqtu minn terremot ieħor. Dan waqt li qed jispiċċawlhom il-provvisti tal-ikel u affarijiet essenzjali oħra, bil-maltemp aktar qed iżid fl-inħawi.

Fil-Pakistan mietu tal-anqas 250 fit-terremot, b’madwar 1,700 jindarbu. ’Il fuq minn 200 Pakistani tilfu ħajjithom fil-provinċja ta’ Khyber Pakhtunkhwa waħedha, b’mijiet kbar oħra jisfaw feruti. Il-Prim Ministru Pakistani Nawaz Sharif, fl-aħħar sigħat, żar id-distrett ta’ Shangla, fl-istess provinċja, li hi fost iz-zoni li ntlaqtu l-agħar mit-theżżiża kbira.