Waqt il-Kunsill tal-MFA li sar ilbieraħ il-President tal-assoċjazzjoni Norman Darmanin Demajo żvela li għal darba oħra l-MFA se tkun qed tappoġġa lill-Prinċep tal-Ġordan Ali Bin-Al Hussein waqt l-elezzjoni Presidenzjali tal-FIFA li se ssir fis-26 ta’ Frar tal-2016. Darmanin Demajo spjega l-proċess kollu ħa kemmxejn fit-tul biex l-MFA wasslet għal din il-konklużjoni.
Ali Bin-Al Hussein, li għad għandu 39 sena, kien l-uniku avversarju ta’ Blatter waqt l-elezzjoni li saret f’Mejju li għadda. Dakinhar Blatter kien ġab 133 vot kontra s-73 ta’ Ali u dan fisser li Blatter ma kienx ġab terz tal-voti li kellu bżonn biex jirbaħ l-elezzjoni iżda qabel ma beda t-tieni rawnd ta’ votazzjoni Ali ħabbar li kien se jirtira u kien għalhekk li Blatter reġa’ ġie elett biex iservi l-ħames terminu tiegħu bħala President. Jiem wara li Blatter rebaħ din l-elezzjoni hu stess kien ħabbar li kien se jirriżenja mill-kariga u minn dakinhar ‘l hawn kienu diversi dawk li tefgħu l-kandidatura tagħhom biex jikkontestaw l-elezzjoni Presidenzjali tal-FIFA. B’kollox huma tmienja u biex Ali Bin-Al Hussein jikseb post fit-tmun tal-FIFA jrid jegħleb l-isfida ta’ sebgħa oħra. Dawn huma Michel Platini, David Nakhid, Jerome Champagne, ix-Sheikh Salman Bin Ebrahim Al Khalifa, Musa Bility, Gianni Infantino u Tokyo Sexwale.
Wieħed irid jara jekk Platini, attwalment President tal-UEFA, hux se jitħalla jikkontesta l-elezjzoni wara li dan ġie sospiż għal 90 jum mill-Kumitat tal-Etika tal-FIFA hekk kif qed jiġi investigat dwar pagament ta’ madwar 1.34 miljun lira sterlina li ħa mingħand Blatter.
Il-President tal-MFA beda biex tkellem dwar l-2011 meta dakinhar l-MFA kienet ħabbret li ma kinitx se tappoġġja lil Sepp Blatter fl-elezzjoni li saret f’dik l-istess sena. Eventwalment Blatter kien ġie re-elett wara li Mohammed Bin Hammam, l-uniku avversarju tiegħu, kien irtira jum qabel l-elezzjoni minħabba akkużi ta’ korruzzjoni.
Demajo qal li qabel l-aħħar elezzjoni għall-presidenza tal-FIFA, kienu ħafna tal-fehmali żmien Sepp Blatter fit-tmun tal-FIFA kien intemm iżda donnu kulħadd kien qed jibża’ li jinnomina lil xi ħaddieħor biex jeħodlu postu.
Darmanin Demajo żvela li f’Jannar li għadda kienet ċemplitlu persuna viċin ħafna ta’ Michel Platini li ħeġġitu biex jinnomina lill-Prinċep Ali. L-MFA ħadet dan il-pass u wara li saret l-elezzjoni u wara li Blatter ħabbar li kien se jirriżenja, f’Lulju, l-Prinċep Ali reġa’ talab lil Darmanin Demajo qal li jrid jitkellem ma’ Ghedin innifsu biex jara jekk minn naħa tiegħu, jridx jibqa’ jmexxi lit-tim Malti.
Fi tmiem il-laqgħa tal-Kunsill ġie żvelat li qabel ma jibdew jintlagħbu l-partiti tal-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018, Malta jista’ jkun li tilgħab partiti ta’ ħbiberija kontra r-Repubblika Ċeka, l-Irlanda ta’ Fuq, l-Awstrija u l-Estonja. Ta min jiftakar li fil-11 ta’ Novembru li ġej Malta se tilgħab partita ta’ ħbiberija kontra l-Ġordan. Madankollu, xejn għadu mhu konfermat rigward dawn il-logħbiet iżda qed isiru l-kuntatti kollha neċessarji mill-MFA mal-assoċjazzjonijiet li jirrapreżentaw lil dawn ittimijiet nazzjonali, biex jaraw jekk dawn il-logħbiet ikunux jistgħu jintlagħbu.