Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni tappella għal sforz politiku dwar pjan ta’ diversifikazzjoni ekonomika

Ix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech appella għall-ħoqlien ta’ niċeċ li jipproġettaw lil pajjiżna fis-snin li ġejjin. Appella għal sforz politiku fil-Parlament flimkien mal-unions u min iħaddem li jibni d-diversifkazzjoni ekonomika meħtieġa fi pjan mifrux fuq għaxra u 12-il sena. Dan iwassal messaġġ b’saħħtu fis-suq internazzjonali.

Claudio Grech, li tkellem fid-dibattitu l-Palament dwar il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, qal li s-sehem tal-Oppożizzjoni fid-dibatitu dwar is-settur tal-ekonomija hu fi spirtu ta’ rimarki u proposti f’oqsma ekonomiċi li fihom il-pajjiż jeħtieġ li jissaħħaħ.

Tliet elementi għal klima ekonomika pożittiva
Irrimarka wkoll li mhux se jaċċenna dwar dak li hemm nieqes, iżda fuq passi fid-direzzjoni t-tajba bix-Shadow Minister isemmi tliet elementi li jemmen li huma importanti biex inħarsu lejhom għax jistgħu joħolqu klima pożittiva – l-istart-ups assistance, l-assistenza marbuta ma’ knowledge transfer biex noħolqu ħila teknika, u l-qafas legali tan-negozji tal-familja.

Claudio Grech spjega li dawn l-elementi huma wkoll fil-baġit iżda għandna nibnu aktar fuqhom għaliex huma relevanti fil-kuntest li qed ngħixu fih illum. Programmi li jpoġġu pjattaforma li fuqhom nistgħu nibnu u rridu naraw kif titwettaq u tissaħħaħ. Talab lill-Ministru jispjega kif dawn se jkunu finanzjati u kif se jiġu implimentati.

Tkellem ukoll dwar ħames aspetti li l-Oppożizzjoni temmen li dwarhom għandu jingħata aktar importanza milli qed jagħti l-Baġit 2016.
Fisser li l-ekonomija ta’ pajjiżna baqgħet miexja ‘l quddiem, u r-riżultati tal-lum huma parti mill-qafas tal-amministrazzjoni preċedenti, bil-Gvern irnexxielu jibni fuq dak li kien qed jinbena b’kontinwità.

MFSA

Setturi oħrajn mhux jikbru bl-istess ritmu tas-servizzi finanzjarji
Semma d-dipendenza tal-investiment dirett barrani fuq is-settur tas-servizzi finanzjarji. Fl-aħħar ħames snin kien hemm dipendenza qawwija fuq is-servizzi finanzjarji, filwaqt li fl-oqsma l-oħrajn l-effett hu wieħed żgħir. It-tħassib tal-Oppożizzjoni hu li s-setturi l-oħrajn mhux qed jikbru bl-istess pass li kibru s-servizzi finanzjarji.

Semma wkoll is-settur li joħloq l-impjiegi produttivi li jkunu aktar relatati ma’ operat, u li dan jista’ jkun li hawn ukoll fejn qed nesperjenzaw ċerti diverġenzi. L-aktar element importanti, saħaq ix-Shadow Minister għall-Ekonomija, hu li nsibu niċeċ li jipprovdu valur miżjud għoli li joħolqu impjiegi aktar wiesgħa.

Id-dipendenza fuq is-sistemi fiskali hu fattur riskjuż għall-kompetittività
It-tieni punt hu d-dipendenza fuq is-sistemi fiskali, li hu fattur riskjuż għall-kompetittività ta’ pajjiżna. It-tħassib tal-Oppożizzjoni hu wkoll dwar l-isforzi ta’ xi pajjiżi li jimbuttaw favur l-armonizzazzjoni fuq l-aspett fiskali. Appella biex insibu kif is-setturi li huma integrali fl-ekonomija tagħna, igawdu minn programmi ta’ għajnuna għal investiment biex jintrabtu aktar f’pajjiżna azjendi li qegħdin hawn u huma mħassbin fuq l-aspett fiskali. Dan biex huma jkunu jistgħu jinvestu bl-għajnuna tal-Gvern b’mod strutturat. Sejjaħ din il-politika bħala kruċjali jekk irridu naraw li s-setturi li kibru fl-aħħar snin jibqgħu jissaħħu.

Bank Centrali Malta

Malta għandha l-ogħla rata ta’ interessi meta mqabbla ma’ pajjiżi oħrajn
It-tielet aspett hu l-aċċess għall-finanzjament u r-riżorsi umani. Claudio Grech semma kif ir-rata kajmana tal-investiment kapitali ġejja mill-problemi għall-aċċessibbiltà tal-għajnuna finanzjarja. Dwar dan il-Baġit ma tkellimx biżżejjed dwarha għaliex dak li ssemma mill-Gvern mhux se jagħmel xi differenza kbira.
Semma li Malta għandha l-ogħla rata ta’ interessi meta mqabbla ma’ pajjiżi oħrajn – kważi tliet darbiet ir-rata medja tal-interessi fil-Lussemburgu. Gvern għandu rwol importanti li jmexxi bl-eżempju, bl-Oppożizzjoni tkun lesta li tagħti l-appoġġ lill-Gvern kif din is-sitwazzjoni tista’ tiġi indirizzata.

Spjega li l-akbar parti li qed tbati fil-proċess tal-aċċess għall-finanzjament hi l-istart-ups li fihom jinbtu ħafna ideat minn żgħażagħ li mhux qed jiġu apprezzati.

Bank of Valletta BOV Centre Tower

Proposta għal garanziji bankarji sa 50% fuq l-investiment lill-istart-ups
Ippropna li l-Gvern jagħti attenzjoni lil għaxar ideat fis-sena u jagħtihom garanziji bankarji sa 50% fuq l-investiment fuq mhedda ta’ sentejn, u l-50% l-oħra jiġu finanzjati b’tax credit. Jekk jirnexxielna nrawmu 10 kumpaniji fis-sena billi jingħataw finanzjament adegwat, min m’għandux kapital jew proprjetà li jista’ jagħmel bħala garanzija, ikunu inċentivati biex huma wkoll jinvestu. Spjega wkoll li l-investiment li jieħu lura l-Gvern f’taxxi u fi żvilupp ekonomiku jkun qawwi ħafna.

Ix-Shadow Minister semma wkoll li marbuta ma’ dan, hemm ukoll l-isfida tar-riżorsi umani li l-pajjiż irid ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu biex niġbdu wkoll it-talent barrani.

Ma nilqgħux biss lil min hu sinjur iżda wkoll lil min għandu talent
Ġibed l-attenzjoni tal-Gvern li Malta ma tridx tilqa’ biss lil min hu sinjur u miljunarju, iżda wkoll lil min għandu talent biex b’mekkaniżmu jagħżel ukoll lil Malta biex jiżviluppa l-ħiliet tiegħu.

Fisser u saħaq li kull pajjiż li sploda fl-oqsma l-ġodda tal-ekonomija, kibru bit-talent u mhux biss bil-flus u bl-investiment. Din hi kultura, qal ix-Shadow Minister Claudio Grech, li trid kuraġġ biex titwettaq.

Aspettt ieħor hu dak marbut mat-tkabbir industrijali lokali. Semma li ma rridux nibqgħu bil-kultura li investitur barranin għandu valur akbar minn dak lokali. Is-sistema ekonomika tagħna trid tkun magħmula biex min lokalment irid jespandi u jikber, ikollu l-faċilità jagħmel dan.

Incident Ragel Jaqa Sit tal-Kostruzzjoni San Giljan 3 030714

L-investiment qed isir biss fis-setturi tal-lukandi u l-proprjetà
Semma li kif l-investiment f’pajjiżna kif jirriżulat mis-self tal-banek, hu dak għas-settur tal-lukandi u l-proprjetà. F’setturi oħrajn is-self baqa’ fejn kien jew naqas. Appella biex fil-Family Business Act inħarsu aktar b’mod wiesgħa biex nixprunaw l-investiment lokali għax hawn investituri li lesti jagħmlu investiment.

Ninkoraġġixxu l-kunċett tas-sħubija bejn kumpanija u oħra
Ippropona skemi ta’ għajnuna finanzjarja biex ninkoraġġixxu l-kunċett tas-sħubija bejn kumpanija u oħra biex jaħdmu u jikkompetu flimkien. Propsita oħra hi kif il-workforce taqsam il-profitti ma’ min iħaddem b’relazzjoni mal-produttività.

Ma nħallux stat ta’ żdingar f’ambjent ekonomiku tajjeb
Claudio Grech appella biex nitbiegħdu mill-aċċettazzjoni tal-medjokrità biex pajjiżna ma jitħalliex f’ċertu stat ta’ żdingar f’ambjent ekonomiku tajjeb. Bħala eżempju semma l-billboards skaduti mitluqa fit-toroq.

triq ir-repubblika republic street

Ekonomija għan-nies u li taħdem għan-nies
Wiegħed li l-Oppożizzjoni se tkompli taħdem biex tagħti s-sehem tagħha għall-kompetittivita u mas-setturi ġodda, u aktar minnhekk tiddefendi l-futur ekonomiku ta’ pajjiżna.

L-Oppożizzjoni temmen li jekk niggarantixxu l-istabbiltà u t-tkabbir ekonomiku b’mod sostenibbli, l-ekonomija ma tkunx biss tan-numri iżda għan-nies u li taħdem għan-nies.