L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tipproponi li l-membri tal-Ġudikatura jagħmlu dikjarazzjoni tal-assi. Dan ġie spjegat fid-dettall waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, mill-Whip u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali David Agius, mill-Kelliem għad-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli u mill-Kelliem għall-Kultura Joe Cassar.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ingħad kif fid-dibattitu Parlamentari dwar il-Ġustizzja, l-Oppożizzjoni pproponiet li f’ġieħ it-trasparenza, il-membri tal-Ġudikatura jagħmlu bħall-Membri Parlamentari u jippreżentaw dikjarazzjoni tal-assi tagħhom.
Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi qal ukoll li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għandu raġun meta jgħid li l-Budget fih “ftit għalik u ħafna għalihom” għax anke fil-qasam tal-Ġustizzja, il-vot għall-pagi u l-bonuses se jiżdied bi 800,000 ewro, filwaqt li l-vot allokat għall-vittmi tar-reat hu biss ta’ 1,000 ewro. Din hi konferma tal-prijoritajiet ħżiena tal-Ministru Owen Bonnici”, qal Jason Azzopardi.
Min-naħa tiegħu, Clyde Puli tkellem dwar l-iżbilanċ u l-abbużi li hemm fix-Xandir tal-Isat. Sostna li l-aħbarijiet tal-PBS huma aktar propaganda tal-Partit Laburista milli informazzjoni b’lealtà lejn il-poplu Malti u Għawdxi. Qal li fil-Parlament għamel Mistoqsija lill-Ministru Bonnici biex jikkonferma jekk hux vera l-allegazzjoni li d-dejn tal-PBS hu ta’ 14-il miljun ewro.
Min-naħa tiegħu, David Agius qal li l-Gvern mhux jikkonsulta fil-qasam tal-Kunsilli Lokali, la mal-Oppożiżżjoni u lanqas mas-Sindki u l-Kunsillieri nfushom. Appella biex il-Gvern iżid il-fondi għall-Kunsilli Lokali minħabba li l-Kunsilli Lokali qed jispiċċaw f’pożizzjoni li ma jistgħux iwettqu l-ħidma tagħhom favur il-komunità għax il-Gvern mhux jagħtihom biżżejjed flus. David Agius irrefera wkoll għat-taħwid li jeżisti fis-sistema tal-Gwardjani Lokali li daħħal riċentament il-Gvern u li biex imexxiha, għażel lil Ray Zammit.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll Joe Cassar, li għamel referenza għat-tmexxija tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Hu appella lill-Gvern biex ma jitraskurax il-kultura u inizjattivi bħal tal-Valletta 2018 għax minbarra li huma ta’ preġju għal Malta, dawn l-inizjattivi joffru wkoll reklam turistiku għal pajjiżna. Sostna wkoll li l-Ministru Owen Bonnici ma wieġeb l-ebda mistoqsija milli sarulu dwar l-estimi finanzjarji fil-qasam tal-Kultura.
//= $special ?>

