Ryan Mercieca jingħata r-rikonoxximent tas-seba’ edizzjoni ta’ TOYP

Nhar il-Ġimgħa 23 t’Ottubru 2015 saret is-seba’ edizzjoni għall-aħjar żagħzugħ/a magħrufa bħala ‘Ten Outstanding Young Persons of the World’ (TOYP). Din l-attivita’ ssir kull sena minn JCI Malta biex tirrikonoxxi l-ħidma ta’ persuna żagħżugħa skont l-iżvilupp personali tagħha, kif ukoll l-impatt li tħalli fis-soċjeta’ ċivili. Il-ġurija li tagħżel lil dawn iż-żgħażagħ hi magħmula minn nies indipendenti, b’esperjenza twila f’diversi oqsma u b’reputazzjoni tajba.

Ryan Mercieca huwa żagħżugħ Għawdxi li ntgħażel fost l-għaxar persuni li ngħataw dan ir-rikonoxximent. Huwa kien l-ewwel President tal-Kunsill taż-Żgħażagħ Għawdxin (GYC). Mercieca ġie onorat għax-xogħol u d-dedikazzjoni li wettaq fost l-istudenti Għawdxin, partikolarment għad-dritt li l-istudenti Għawdxin ikunu jistgħu jagħmlu l-eżamijiet tagħhom f’Għawdex, għaż-żieda fis-sussidju tal-akkomodazzjoni, u għat-tfassil ta’ pjan biex l-istudenti jkollhom trasport pubbliku effiċjenti u adegwat.