Ekonomija Lokali

Diżappunt mit-Taqsima Pensjonanti tal-UĦM għax il-Gvern ma tax kas il-proposti tagħhom

Diżappunt mit-Taqsima Pensjonanti tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) wara li l-Gvern baqa’ ma laqa’ l-ebda proposta mill-erbgħa mressqa mit-Taqsima għall-Budget 2016.

Fi stqarrija, wara li laqgħa tal-Eżekuttiv tat-Taqsima Pensjonanti, ingħad li fost il-proposti kien hemm li l-Gvern japprova s-somma ta’ 1,000 ewro minflok 200 ewro bħala tnaqqis għal dawk li għandhom il-Pensjoni tas-Sigurtà Soċjali mnaqqsa minħabba li għandhom Pensjoni tat-Teżor.

It-Taqsima kienet ipproponiet ukoll li s-‘ceiling’ tat-taxxa għal persuna waħedha jkun mhux anqas mid-dħul tal-Paga Minima Nazzjonali. Fl-istess waqt kienet saħqet biex tinżamm il-wegħda li l-Pensjoni Minima Nazzjonali ma tkunx anqas minn 60 fil-mija tad-Dħul Medju Nazzjonali fi żmien ħames snin mill-2016.

Proposta oħra mit-Taqsima Pensjonanti tal-UĦM kienet li l-Gvern jgħin aktar lill-anzjani biex ikunu faċilitati l-mezzi tal-għajxien tagħhom, fost oħrajn billi jgħin fl-installazzjonijiet tal-lifts fejn hemm taraġ, stair lifts jew aġġustamenti fil-kmamar tal-banju mfassla apposta għall-anzjani. B’hekk, il-pensjonanti jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu fil-kumdità ta’ djarhom minflok ma jkunu piż fuq l-Istat.

Filwaqt li sostniet l-impenn biex tiltaqa’ mal-Ministru tas-Solidarjetà Soċjali għal diskussjoni dwar il-possibbiltà li jkunu implimentati dawn il-proposti, it-Taqsima Pensjonanti tal-UĦM qalet li kollox ma’ kollox tħoss li l-pensjonanti qed ikunu mwarrba għax qatt mhu jingħata kas tal-proposti li qed jitressqu minn sena għall-oħra.