Lokali Parlament

Ebda tħassib mill-PM dwar is-7,000 visa lil Alġerini lejn Malta

Ifisser ir-rotta ta’ immigranti mill-Alġerija lejn l-Ewropa permezz ta’ Malta bħala żvilupp tal-Air Malta li tfittex swieq ġodda

Il-Prim Ministru ddefenda l-ħruġ ta’ kważi 7,000 visa mill-Konsolat Malti fl-Alġerija u sejjaħ dan in-numru kbir ta’ Alġerini li qed jiġu lejn pajjiżna, bħala żvilupp tal-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, li tfittex swieq ġodda u qed topera vjaġġi lejn l-Alġerija.

Il-Prim Ministru għamel din id-dikjarazzjoni fuq insitenza tal-Kap tal-Oppożizzjoni li fil-Parlament illejla, staqsa dwar rotta oħra ta’ immigrazzjoni li tibda mill-Alġerija, tgħaddi minn Malta u tispiċċa fil-pajjiżi Ewropej.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni rrimarka li skont risposta li ta l-Gvern għal mistoqsija parlamentari tal-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami, bejn Awwissu tal-2014 u April 2015 pajjiżna ħareġ 6,781 visa lil persuni mill-Alġerija lejn Malta. Sa Settembru, il-visas approvati telgħu kważi 7,000.

Simon Busuttil fisser li 7,000 visas f’sena huma ħafna u li qed jitolbu visa biex imorru lejn Ewropa, l-aktar lejn Franza. Staqsa għaliex dawn il-ħruġ tal-visas u jekk din ir-realtà qajmitx mistoqsijiet lill-Gvern.

Għaliex japplikaw fil-Konsolat Malti u mhux direttament fil-pajjiżi fejn iridu jmorru?
Staqsa wkoll jekk hux minnu li hemm ajrupalani tal-Air Malta li jmorru vojta u jiġu mimlija b’Alġerini, u x’qed jiġri minnhom u kemm qed jibqgħu Malta. Staqsa wkoll għaliex ma japplikawx direttament fil-pajjiżi fejn iridu jmorru. Staqsa wkoll jekk il-Pulizija qattx inġibditilha l-attenzjoni dwar possibbiltà ta’ abbuż, meta sar jaf il-Prim Ministru u meta sar jaf il-Ministru tal-Affarijiet Barranin. Staqsa wkoll kif bħala pajjiż u gvern qed naġevolaw din ir-rotta ta’ immigrazzjoni.

Alġerini f’ammonti kbar jaħarbu lejn Franza minn Malta
F’dan id-dibattitu tkellem ukoll il-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami li rrifera għal storja li ġiet ippubblikata fil-gazzetta il-mument tliet ġimgħat ilu dwar dan l-abbuż u din ir-rotta ta’ immigrazzjoni, b’Alġerini f’ammonti kbar jaħarbu lejn Franza minn Malta.

It-turiżmu mill-Alġerija hu negliġibbli bir-rotta tal-Air Malta
Staqsa lill-Prim Ministru jekk hux veru li l-Air Malta qed topera dawn il-vjaġġi meta jirriżulta li t-turiżmu mill-Alġerija hu negliġibbli u hemm biss ftit nies tan-negozju li qed jużaw din ir-rotta. Fisser li t-turiżmu mill-Alġerija tant hu ftit, li fl-istatistika tat-turiżmu m’hemmx kategorija ta’ Alġerini, iżda dawn qegħdin fil-kategorija ta’ turisti oħrajn.

Beppe Fenech Adami staqsa lill-Prim Ministru jwieġeb jekk qabel ma ħareġ fil-media dan il-każ, il-Pulizija, il-Ministeru tal-Affarijiet u hu bħala Prim Ministru kellhomx rapporti minn terzi persuni dwar allegati abbużi ta’ tixħim biex tingħata l-visa mill-Konsolat Malti fl-Alġerija.

Il-PM jappoġġja d-deċiżjoni tal-Air Malta lejn swieq alternattivi
Il-Prim Ministru wieġeb li ż-żieda fil-wasliet mill-Alġerija kienet riżultat tal-vjaġġi li qed tagħmel il-linja nazzjonali lejn dan is-suq, u qal li l-linja tal-ajru trid tara swieq ġodda, bil-Gvern jappoġġja d-deċiżjoni lejn swieq alternattivi.

Filwaqt li rrifera għal żjara li kien għamel ħafna snin ilu l-Prim Ministru Fenech Adami fl-Alġerija fejn kien hemm taħditiet dwar konnettività bejn iż-żewġ pajjiżi, il-Prim Ministru qal li l-kunsiderazzjonijiet lil fejn topera l-Air Malta mhix ibbażata biss fuq destinazzjoni għat-turiżmu.

Muscat qal li r-rata ta’ rifjut ta’ visas minn Malta kien fost l-ogħla mill-Konsolati u l-Ambaxxati fl-Alġerija u jqarreb il-50,000. Qal ukoll li ma kien hemm l-ebda tip ta’ kuntatt mill-Gvern Franżiċ dwar dan, u li l-Gvern kellu protesti mill-Gvern Alġerin u mezzi tax-xandir Alġerini li l-Gvern Malti kien qed jimxi b’mod iebes mal-Alġerini.

Il-Gvern jaċċetta wkoll ir-realtà li aktar ma niftħu lejn swieq ġodda, jersquu aktar lejn pajjiżna nies differenti. Muscat qal li mhix kompetenza tiegħu li jwieġeb f’isem il-Pulizija dwar rapporti ta’ abbużi u tixħim.