Malta għandha tara li l-isfidi tad-dijabete u l-obesità jkunu ta’ prijorità għall-Unjoni Ewropea billi tagħtihom attenzjoni akbar fil-perjodu tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew fl-2017. B’dan il-mod, inkunu verament qed naraw li saħħet iċ-ċittadini tagħna qed tiġi indirizzata fuq il-livelli kollha tal-Unjoni.
Dan qalitu l-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Therese Comodini Cachia f’dibattitu li nżamm fil-Parlament Ewropew ta’ Strasburgu dwar id-dijabete, iż-żgħażagħ u l-isports. Id-dibattitu, organizzat b’kollaborazzjoni mal-fergħa Ewropea tal-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete, sar ftit jiem qabel ma jitfakkar il-Jum Dinji dwar id-Dijabete.
L-MEP Maltija għamlet referenza għall-istatistika li wera kif Malta tinsab fl-ewwel post fil-klassifika tal-Unjoni Ewropea dwar l-obesità, filwaqt li rapport separat tal-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete ikklassifika lil Malta f’wieħed mill-ogħla postijiet.
Therese Comodini Cachia, li tmexxi l-Working Group dwar id-Dijabete fil-Parlament, qalet li se tkompli taħdem biex tinħoloq aktar kuxjenza għal aktar prijorità dwar dan is-suġġett. Filwaqt li rrikonoxxiet diversi inizjattivi li jsiru fl-iskejjel, temmen li dan mhuwiex biżżejjed għax it-tfal għandhom ikunu jafu għalfejn u kif għandhom jieklu ikel bnin.
Fost l-oħrajn, intervjenew ukoll fid-dibattitu żagħżugħ Malti u żewġ sportivi żgħażagħ minn pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea, li spjegaw kif bl-attività fiżika tagħhom qed jirnexxielhom jikkontrollaw il-kundizzjoni tad-dijabete.
//= $special ?>