Internazzjonali

Ipprojbit il-Halloween f’skejjel Russi

Ir-reġjun Russu ta’ Arkhangelsk ipprojbixxa ċelebrazzjonijiet ta’ Halloween għaliex dawn kellhom effett negattiv fuq dawk li jkunu fraġli u kienu jmorru kontra l-valuri tradizzjonali.
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Knisja Ortodossa Russa fir-reġjun ta’ Krasnoyarsk għamlet sejħa biex din il-festa tkun projbita hemmhekk ukoll għal raġunijiet simili. Reliġjużi Ortodossi qalu li t-tfal ma jifhmux id-differenza bejn ir-realtà u dak li hu immaġinarju u bl-iskuża ta’ Halloween, il-ħażen jiġi aċċettat.
Sentejn ilu, membri tal-Parlament ta’ Omsk ipprojbew ċelebrazzjonijiet ta’ Halloween fl-iskejjel kollha għaliex din kienet festa li tikkorrompi l-imħuħ tat-tfal u ċerti kostumi kienu pprojbiti milli jinbiegħu għaliex setgħu jimpressjonaw lit-tfal.
Fir-Russja, il-festa bdiet dieħla ftit wara li spiċċa l-Komuniżmu u l-Unjoni Sovjetika hekk kif drawwiet tal-Punent saru aktar aċċettabbli. Imma uffiċjali Russi baqgħu jissuspettaw ħażin fil-festa u jsostnu li din mhi xejn ħlief propaganda tal-kult tal-mewt.
U minkejja li wieħed jgħid li din il-festa fil-forma preżenti oriġinat fl-Istati Uniti, hemm polemika b’xi wħud jgħidu li hi influwenza negattiva fuq it-tfal. Iżda l-akbar kontroversji ta’ bħalissa huma minħabba ċerti kostumi li jibdew jinbiegħu f’dawn il-ġranet u li jew ikunu koroh ħafna inkella għaliex jinsultaw xi reliġjon jew kultura.
Fl-Istati Uniti wkoll, il-pulizija kienu mwissija mill-FBI li jista’ jkun hemm min se jipprova japprofitta ruħu minn din il-festa biex jattakka lill-membri tal-Korp tal-Pulizija.