Lokali

Ritratti: Karozza tal-linja allegatament tintlaqat minn tir ta’ arma tan-nar

Karrozza tal-linja li llejla kienet għaddejja fir-rotta numru 202 minn Pembroke lejn Ħad-Dingli allegatament intlaqtet minn tir li wassal biex il-ħġieġa tal-ġenb tal-vettura tinkiser.

Il-karozza tal-linja, li kienet qed tinstaq minn xufiera mara, intlaqtet fit-triq ta’ bejn ir-Rabat u Ħad-Dingli.

Jidher li għalkemm fil-karozza tal-linja dak il-ħin kien hemm xi passiġġieri, ħadd ma ndarab f’dan l-inċident.

Kollox jindika li dak il-ħin il-karozza kienet għaddejja minn ħdejn ċint għoli ta’ għalqa minħabba li t-triq fejn seħħ l-inċident hija mimlija għelieqi u rziezet. F’mument minnhom ix-xufier irrapurtat li semgħet tir u kien hawn li l-ħġieġa tal-linja nkisret, bil-ħġieġ jinfirex kemm fuq ġewwa u fit-triq.

Fuq il-post waslu uffiċjali tal-Pulizija u tal-Forensika li qed jippruvaw jistabbillixu x’wassal għal dan il-każ u biex jistabbilixxu li dan verament kien każ ta’ sparatura.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija jistgħu jieħdu iktar fit-tul minħabba li ż-żona hija waħda mudlama bi ftit li xejn persuni jgħixu fil-qrib.

Ritratti: Roberto Runza