Kurżitajiet

Kienu jisirqu u jbiegħu l-katavri għaż-żwieġ

Il-Pulizija fiċ-Ċina arrestat tlett irġiel akkużati li serqu ġisem mejjet ta’ mara u biegħuh biex ‘iżewġuha’ ma’ raġel mejjet.

Wieħed mis-suspettati, Hou ta’ 72 sena, ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u qal li ġietu t-tentazzjoni wara li sema’ bil-mewt tal-mara.

Jidher li l-irġiel qalu li kienu qraba tal-mara mejta u sabu xerrej li tahom 25,000 yuan jew kważi €3,500 għal dak li jidher li hu r-rit ta’ żwieġ bejn tnejn mejta. Ir-rapport lill-Pulizija sar minn xi ġirien li raw il-qabar tal-mara maqlugħ.

F’xi partijiet taċ-Ċina mhux l-ewwel darba li joħroġ każ fejn qraba ta’ persuna mejta ‘jżewġuha’ lil xi ħadd ieħor mejjet. Jidher li t-tradizzjoni tgħid li raġel li jmut għażeb iġib ix-xorti ħażina fuq il-familja minħabba li ma kienx miżżewweġ tul ħajtu, għalhekk il-qraba tiegħu ‘jżewġuh’ wara l-mewt.

Tliet snin ilu kien hemm każ fejn tlett irġiel qatlu mara tqila biex biegħuha għal dan l-iskop. Dakinhar kien qam agħa fil-pajjiż b’appelli biex din il-prattiċi tinqered għal dejjem.