Internazzjonali

L-Awstrija se tibni ħajt mal-fruntiera Slovena

L-Awstrija ħabbret li kienet se tibni ħajt tul il-fruntiera mas-Slovenja.
Johanna Mikl-Lietner, il-Ministru tal-Intern Awstrijaka, qalet li aktar milli biex iwaqqaf lill-immigranti milli jaqsmu mis-Slovenja, dan il-ħajt se jservi biex jgħin fil-kontroll tas-sitwazzjoni, hekk kif eluf komplew jaqsmu l-fruntiera.
S’issa hu stmat li tal-anqas 700,000 persuna daħlu fl-Unjoni Ewropea din is-sena, fil-maġġoranza tagħhom Sirjani, imma wkoll oħrajn minn pajjiżi oħra.
Il-bini ta’ ħajt fl-Awstrija, filwaqt li diġà kien hemm l-Ungerija li għamlet hekk, se jkun l-ewwel darba li pass simili se jsir bejn żewġ membri tal-Unjoni Ewropea li huma parti mill-ftehim Schengen, fejn m’hemmx bżonn passaport.
Sadattant, is-Slovenja wkoll qalet li qed tikkunsidra li tibni ħajt, din id-darba tul il-fruntiera mal-Kroazja. Miro Cerar, il-Prim Ministru Sloven, qal li jekk il-pjan tal-Unjoni Ewropea biex trażżan id-dħul tal-immigranti jfalli, hu kien lest jordna l-bini tal-ħajt immedjatament.
Fil-Ġermanja, Thomas de Maiziere, il-Ministru tal-Intern, qal li ħafna Afgani li deħlin fil-Ġermanja bħalissa aktarx se jintbagħtu lura pajjiżhom. Hu qal li l-Ġermanja u pajjiżi oħra kienu investew ħafna flus biex l-Afganistan jiżviluppa kif ukoll bagħtu suldati u pulizija biex iħarrġu lill-forzi tas-sigurtà Afgani. Dan minbarra li l-Gvern Afgan jaqbel mal-Ġermanja li dawn in-nies għandhom jintbagħtu lura biex jgħinu lill-pajjiż jerġa’ jqum fuq saqajh.
Sadattant, fl-Olanda, hekk kif hemm ukoll dibattitu jaħraq dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni, il-mexxejja ta’ 11-il partit politiku ewlieni fil-pajjiż ħadu l-pass bla preċedent li jippubblikaw flimkien appell fil-ġurnali lokali. Fl-appell qalu li jifhmu li dan hu suġġett li jqanqal l-emozzjonijiet imma appellaw biex ma jitħalltux it-theddid u l-insulti mal-argumenti, kemm favur kif ukoll kontra. Il-mexxejja tal-partiti rappreżentati fil-Parlament qalu li kemm jekk wieħed hu favur, kif ukoll jekk inhu kontra, kulħadd kellu d-dritt jesprimi l-opinjoni tiegħu.