Lokali

FILMAT: Irregolaritajiet fil-kirja tal-bini tal-GWU lill-ARMS

L-Uffiċċju tal-Arms fil-Workers' Memorial Building

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ta raġun lill-Oppożiżżjoni wara li sab numru ta’ irregolaritajiet fil-kirja ta’ parti mill-bini tal-GWU lill-ARMS minħabba li din il-kirja kienet tikser il-kuntratt bejn il-Gvern u l-GWU.

Kienet l-Oppożizzjoni li lura f’Marzu li għadda talbet lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika biex jinvestiga jekk il-provvedimenti taċ-ċens bejn il-Gvern u l-General Workers Union ġewx miksura b’riżultat tal-kirja ta’ parti mill-bini tal-Union lill-ARMS; id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern (GPD) kienx jaf u approvax din il-kirja; jekk kienx hemm uffiċjali pubbliċi oħra involuti u jekk kienx hemm kirjiet oħra u jekk dawn kinux skont il-kuntratt bejn il-Gvern u l-GWU.

Fl-1957, il-Gvern ta lill-GWU, b’ċens perpetwu, sit biex fuqu l-Union tibni l-kwartieri ġenerali tagħha għall-attivitajiet trejdjunjonistiċi u l-Union Press. Fl-1997, il-kuntratt mal-Gvern ġie emendat b’tali mod li l-Union setgħet tittrasferixxi, tassenja jew tikri parti mill-bini lil kumpaniji li fihom kellha aktar minn 51 fil-mija tal-ishma.

L-NAO stabbilixxa li bejn April 2014 u Mejju 2015, il-kirja tal-GWU lill-ARMS kienet tikser il-kuntratt bejn il-Gvern u l-Union minħabba li l-GWU ma kellha ebda sehem fl-ARMS. Fid-dawl ta’ dan, l-NAO jirrakkommanda li d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern (GPD) għandu jqis li jieħu azzjoni legali kontra l-GWU. Apparti dan, l-NAO jħeġġeġ lill-GPD jistabbilixxi, permezz ta’ azzjoni legali, jekk il-kundizzjonijiet tal-kuntratt jibqgħux jeżistu wara l-fidi taċ-ċens, u jekk iva, jieħu azzjoni legali kontra l-Union jew kwalunkwe azzjoni oħra meqjusa xierqa.

L-NAO ikompli jgħid li, filwaqt li l-GPD qatt ma approva l-kirja, id-Dipartiment m’għamilx biżżejjed biex jevita jew jirrimedja s-sitwazzjoni. Il-GPD sostna li ma kienx jaf bl-arranġament bejn il-GWU u l-ARMS qabel il-każ deher fl-istampa għalkemm korrispondenza miżmuma mill-GPD tindika li l-Union kienet avviċinat lid-Dipartiment dwar il-possibilità li tikri partijiet mill-bini tagħha lil entitajiet governattivi. Fl-istqarrija l-NAO tgħid li ma setax jifhem din il-kwistjoni minħabba li d-Dipartiment ma pprovdiex id-dettalji kollha filwaqt li l-Union naqset milli tikkopera.

Ir-rapport tal-NAO jgħid li għalkemm il-GPD ħejja memorandum għas-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru (OPM) dan qatt ma għadda għall-approvazzjoni meħtieġa. Minkejja li ma ngħatatx l-awtorizzazzjoni neċessarja, il-GWU xorta waħda kriet lill-ARMS. L-unika azzjoni li ħa l-GPD, wara li l-każ deher fl-istampa, kienet li bagħat lill-Union għal kjarifiki dwar il-kirja tal-ARMS. L-NAO qies l-azzjoni tad-Dipartiment bħala insuffiċjenti.

L-NAO stabbilixxa li, apparti mill-ARMS, partijiet oħra mill-bini tal-GWU kienu qegħdin jiġu utilizzati bħala attrazzjoni turistika, restorant, aġenzija tal-ivvjaġġar u aġenzija tal-assigurazzjoni. L-NAO tgħid li l-użu ta’ dawn il-partijiet ma kinitx regolari fil-każijiet fejn l-Union ma kellhiex il-maġġoranza tal-ishma. Hija tirrakkomanda li r-regolarità tal-użu ta’ dawn il-partijiet trid tiġi deċiża permezz ta’ proċeduri legali.

Fl-ewwel kummenti tiegħu ix-Shadow Minister għal-Ġustizzja Jason Azzopardi qal li dan ir-rapport jagħti raġun lill-Opppożizzjoni li kienet iddikkjarat li f’dan il-każ kien hemm abbuż u jikkonferma li l-Gvern għalaq għajnejn u ppermetta li dan l-abbuż ikompli jsir. Jason Azzopardi qal li l-GWU kient infurmata mill-Kummissarju tal-Artijiet li din il-kirja ma setgħetx issir iżda għażlet li tibqa’ għaddejja. Ix-Shadow Minister għal-Ġustizzja staqsa min se jkun qed jerfa’ r-responsabilità politika f’dan il-każ.

Dan ir-Rapport huwa aċċessibbli minn www.nao.gov.mt.