Il-Pulizija qatt inġibditilha l-attenzjoni li fil-ħruġ tal-Visas lil Alġerini hemm allegazzjonijiet ta’ abbuż? Meta sar jaf il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin b’dawn l-allegazzjonijiet serji? U meta sar jaf il-Prim Ministru Joseph Muscat dwar dawn l-allegazzjonijiet?
Dawn it-tliet mistoqsijiet saru mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami f’konferenza tal-aħbarijiet, ġimgħa wara li kien żvelat l-iskandlu tal-eluf ta’ Alġerini li fi żmien qasir ingħataw Visa mill-Konsolat Malti.
Jirriżulta li f’sena u nofs (bejn Marzu 2014 u Settembru 2015), il-Konsolat Malti fl-Alġerija ħareġ kważi 7,000 Visa, bil-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista jgħid li ż-żieda f’salt f’din iċ-ċifra biss kellha tindika li xi ħaġa mhux sejra sew.
Jirriżulta wkoll li dawn l-Alġerini jtiru lejn Malta u wara ftit żmien, f’ħafna każi dakinhar stess, jaqbdu ajruplan ieħor u jitilqu lejn pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, sostna Beppe Fenech Adami, minbarra l-element probabbli ta’ korruzzjoni, dan l-iskandlu għandu impatt ukoll fuq is-sigurtà ta’ pajjiżna u ta’ pajjiżi oħrajn.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Immigrazzjoni Francis Zammit Dimech qal li l-iskala ta’ eluf ta’ Visas maħruġa fi żmien qasir kellu jservi ta’ xprun biex l-awtoritajiet jinvestigaw x’inhu jiġri eżattament. Qal li kawża ta’ dan l-iskandlu, tista’ taqa’ r-reputazzjoni ta’ Malta, kemm mal-Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fuq livell internazzjonali.
Francis Zammit Dimech qal li l-Pulizija għandha l-mezzi eżekuttivi biex tinvestiga dan il-każ u jeħtieġ li dan isir biex jingħata sinjal ċar ta’ governanza għaqlija.
//= $special ?>

