Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni taqbel dwar l-emendi għat-tisħiħ tal-Forza ta’ Riserva mal-armata

L-Oppożizzoni taqbel u se tivvota favur l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Forzi Armati ta’ Malta biex tissaħħaħ l-istruttura tal-Forza ta’ Riserva mal-Forzi Armata ta’ Malta.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami spjega fil-Parlament fid-dibattitu dwar dawn l-emendi, li l-Forza ta’ Riserva hi kunċett applikat f’ħafna pajjiżi b’Malta ssegwi l-prassi tal-pajjiżi fl-Ewropa li s-sħubija f’din il-Forza ma tkunx obbligatorja għaż-żgħażagħ iżda fuq bażi volonarja.

Il-poter tal-President estiż lill-Kap Kmandant tal-Armata
L-Abbozz ta’ Liġi quddiem il-Parlament qiegħed jestendi l-poter tal-President ta’ Malta li tagħmel hi s-sejħa għall-ordni tal-Forza ta’ Riserva mill-President ta’ Malta bħala l-Kap tal-Istat, għall-Kap Kmandant u uffiċjali oħra fil-Forzi Armati.

Id-differnza bejn l-ordni msejħa mill-Kap tal-Istat u mill-Kap Kmandant, hi li fl-ordni mill-Presidnnt ta’ Malta l-membri kollha reġistrati fil-Forza ta’ Riserva jridu jobdu u ma jistgħux jirrifjutaw, filwaqt li dik imsejħa mill-Kap Kmandant ikun hemm l-għażla tal-membri fil-Forza.

Beppe Fenech Adami semma li Forza ta’ Riserva tattira nies li huma entużjasti u xtaqu li jidħlu fl-armata iżda li qatt ma jkunu ssieħbu, b’uħud ukoll professjonisti. Tattira nies li verament qegħdin fl-armata għax jinteressahom li jipparteċipaw fl-armata. Spjega wkoll li s-sitwazzjoni tal-lum tal-Forza ta’ Riserva hi ristreta fil-mod kif tista’ tiġi użata din il-forza f’ċirkustanzi biss ta’ emerġenza li jinqalgħu minn żmien għal żmien.

Beppe Fenech Adami qal li hu wkoll tajjeb li l-poter tal-President li jagħmel sejħa għall-forza tal-emerġenza tista’ ssir ukoll mingħajr il-kunsens tal-Kap Kmandant, li issa qed jingħata wkoll dan il-poter.

Appell għall-pubbliċità tal-kunċett tal-Forza ta’ Riserva
Enfasizza l-importanza tat-taħriġ għall-membri ta’ riserva biex meta tinqala’ ċirkustanza ta’ emerġenza jkun hemm forza preparata. Appella biex ikun hemm pubbliċità ta’ dan il-kunċett minħabba li hemm ħafna li mhumiex konxji ta’ din il-forza ta’ riserva.

Semma wkoll l-element tal-kriterji u appella li nsegwu l-istandards applikati fl-età tal-membri ta’ riserva anke biex inżommu element ta’serjetà. Appella wkoll biex nużaw din l-għodda mhux biex tkun mezz ieħor ta’ dħul finanzjarju lill-persuna, u li nistabbilixxu kriterji ċari ta’ kif u kemm jntgħażlu membri ta’ riserva biex dan iservi ta’ ġid kemm għall-armata kif ukoll għall-membri li jservu f’din il-forza.

Il-Ministru Carmelo Abela laqa’ fil-Parlament l-appell ta’ Beppe Fenech Adami biex ikun hemm kollaborazzjoni u ħidma fl-emendi meħtieġa biex tiġi finalizzata din il-liġi.