BLOGS

Minn Dokument Differenti

(Riflessjonijiet minn Perspettiva Edukattiva, fl-isfond tal-baġit 2016)

L-Oppożizzjoni mhijiex negattiva, l-Oppożizzjoni hija biss interessata li tara lill-Gvern iwettaq dak li tant kien wiegħed qabel rebaħ l-elezzjoni ġenerali.

L-Oppożizzjoni ma kinitx se tasal biex tikkritika l-baġit tal-Gvern li ma kienx għax verament kellu ħafna nuqqasijiet, l-aktar f’dak li jirrigwarda d-dinjità għal kull wieħed u waħda minnha u s-sostenibbiltà tat-tkabbir ekonomiku. Issa drajnieha d-diska, dak li ma jgħoddx għall-widnejn il-Gvern, jittimbrah taħt il-kappa ta’ Oppożizzjoni Negattiva, mingħajr ma jagħraf li l-Partit Nazzjonalista għandu esperjenza biex ibigħ f’dak li huwa tifsil ta’ baġit għal pajjiż, b’riżultati ta’ suċċess.

Il-konċentrazzjoni tal-poter hija dejjem f’idejn l-Eżekuttiv li jeżerċitah bħala rappreżentant tal-poplu. Imma studjużi kbar, jikkontradixxu din l-affermazzjoni u jqisu li l-poter jinsab f’idejn kull individwu li jifforma s-soċjetà, soċjetà li tistenna minn Gvern li jippreżenta baġit li ma jkunx fih biss dawk il-miżuri u l-inċentivi li huma mistennija minn kull Gvern, ikun liema jkun. B’dan l-argument quddiemi, irrid nirrikonoxxi għadd imdaqqas ta’ miżuri u inċenitvi li huma plawsibbli, imma dan huwa l-minimu mistenni mill-Gvern, u għalhekk ma għandux ikun hemm wisq pompożità dwar dan.

Il-Prim Ministru, matul dawn il-ġimgħat tal-baġit, sostna kemm-il darba l-fatt li Malta għandha ekonomija b’saħħitha, u veru, grazzi għall-Partit Nazzjonalista li ħadem bil-għaqal, u huwa mistenni allura mill-Oppożizzjoni fost l-oħrajn li tkun tistenna aktar.

Il-baġit ta’ Partit Nazzjonalista matul dawn l-aħħar snin, ma kien ifisser xejn ħlief skola ġdida tal-Istat, waħda kull sena, investiment lil hinn min-nefqa kapitali sabiex isostni l-edukazzjoni bikrija u dik obbligatorja, l-edukazzjoni terzjarja bl-aħjar eżempju jkun bla dubju l-MCAST u l-Università. Minkejja miżuri interessanti u li jaf ikollhom ukoll effett pożittiv matul is-snin li ġejjin, bħall-grant ta’ €233 għal kull student fl-ITS – irridu ninkoraġġixxu lill-ġenerazzjonjiet li telgħin jinteressaw ruħhom fit-Turiżmu bħala dipendenza ewlenija għall-ekonomija Maltija – l-estensjoni tal-istipendji għall-istudenti maturi, u l-kontinwazzjoni ta’ Child Care b’xejn – għal min japplika għalih – flimkien ma’ dak li huwa mistenni bħas-€67 miljun allokati għall-Università u t-€23 miljun għall-MCAST, jidher li hemm nuqqasijiet li kellhom ikunu indirizzati fl-immedjat.

L-akbar problema tal-lum, fil-qasam edukattiv hija dik li tirrigwardja r-riżorsi umani fl-iskejjel tal-Istat. L-amministrazzjonijiet jinsabu mhedda kontinwament bil-burokrazija li qiegħda toħnoq kontinwament l-irwol primarju tagħhom, dak li jmexxu l-iskejjel. Ma jidhirx li din il-problema qiegħda tingħata wisq prijorità.

L-istess jista’ jingħad għall-mostru l-ġdid li twieled tul dawn l-aħħar sentejn u li issa donnu qiegħed iqajjem rasu, il-mostru tal-għalliema ‘supply’ li qiegħed itellef l-opportunitajiet lill-għalliema sabiex jidħlu mal-Istat bħala għalliema regolari, dan meta huma ggradwati mill-Università wara snin jistudjaw. Ma jistax ikun li l-Gvern jibqa’ jittratta lil uliedna hekk daqslikieku mhux interessat mill-istabbiltà tal-għalliema li fil-qofol tagħhom, huma s-sistema edukattiva tal-pajjiż.

It-trasport pubbliku, u għaldaqstant dak tal-iskejjel jibqgħu mwarrba mill-aġenda primarja tal-Gvern, li jiddieħak bi proposta tal-Oppożizzjoni li tista’ tgħin tittaffa l-problema fuq short-term, dik li jingħata t-trasport b’xejn għall-istudenti kollha, irrispettivament jekk jattendux skejjel tal-Istat jew le. Imma minflok, nibdew ninteressaw ruħna fi proposti bħal trasport b’xejn fl-eqqel sigħat, idea li aktarx ma ġietx studjata sewwa u għalhekk ma nafux jekk hijiex vijabbli finanzjarjament, idea li għadna ma smajna xejn konkret mill-Gvern dwarha. Il-Gvern jibqa’ biss isostni li qed jistenna l-kuntratt eżistenti bejnu u l-kumpaniji li jipprovdu t-trasport sabiex jieħu l-aħjar deċiżjoni. Każ li jfakkarni fid-drammatiċità tal-Arriva!

Il-wegħda l-kbira, flok dik ta’ skola ġdida kull sena, hija dejjem l-istess waħda, dik tat-tablets għall-istudenti kollha, bil-‘kollha’ tfisser differenti minn kif nifhmuha aħna b’mod ġenerali. Wegħda li issa ilna nisimgħuha għal madwar tliet snin, u kull meta jnessihielna, jerġa’ jdaħħalha fil-baġit li jkun imiss.

M’iniex se nibla’ li l-Gvern qiegħed verament iwieġeb għall-problema tal-istudenti barranin fl-iskejjel Maltin. Illum, jidher ċar, li f’waħda mill-aktar skejjel li l-Ministru qiegħed jagħtiha prominenza (għal raġunjiet aktarx politiċi), il-programmi għall-barranin mhumiex qed iħalli effett, appuntu għaliex impjega għalliema li ma jissodisfawx il-kriterji meħtieġa sabiex jiġu mgħallma t-tali programmi. Fejn huma l-inċentivi hawhekk?

Għad irridu nisimgħu aktar dwar x’qed isir fir-rigward tal-problem tal-obeżità fl-iskejjel, dwar l-edukazzjoni diversa rigward l-LGBTI u kif il-Gvern għandu jindirizza issue daqstant sensittiva imma kruċjali, issue li trid tkun studjata sewwa qabel titnieda kwalunkwe idea minħabba l-impatt li jista’ jkollha, għalkemm jekk l-affarijiet isiru kif jixraq, tkun ta’ ġid kbir għal uliedna. Insemmi s-sapport, irrid insemmi l-Learning Support Assistants. Għad hemm problema kbira meta LSAs b’obbligi partikolari fl-iskejjel ikunu indisponibbli u ma jirrappurtawx għax-xogħol. Dawn indirizzajniehom?

U mbagħad il-qofol tal-baġit li jinsulenta lill-edukazzjoni huwa bla dubju l-grant mogħti lill-istudenti Għawdxin li qed jistudjaw Malta. Is-serqa fil-wiċċ ta’ €500, ċifra li qajmet kjass u dibattiti bla tmiem fl-aħħar leġiżlatura… La qed insemmu lill-Għawdxin, kif ser ninċentivaw aktar lill-edukaturi li qed jagħtu servizz lil pajjiżna li ta’ kuljum jivvjaġġaw bejn il-gżejjer?

Li ma kienx għal-limitu ta’ kliem li rrid nirrispetta, ma niqafx. Dan il-baġit jidher sabiħ fil-kliem, intenni, fih miżuri tajbin u dawk mistennija, imma ħallejna ħafna barra. Jaf jinsabu f’xi wieħed mill-ħafna dokumenti tal-baġit li jinsabu fil-qiegħ tal-kexxun tal-Ministru Scicluna!

Dan l-artiklu deher fuq il-ġurnal in-Nazzjon tat-Tnejn, 26 ta’ Ottubru, 2015.
Justin Schembri huwa kandidat għall-elezzjoni ġenerali fuq it-8 distrett.