Inkiseb suċċess kbir fil-ġlieda kontra l-grupp militanti Iżlamiku tal-Boko Haram. Dan wara li l-Armata Niġerjana salvat 338 persuna, fil-maġġoranza tagħhom nisa u tfal, li kienu miżmuma priġunieri mill-grupp.
Uffiċjali militari Niġerjani qalu li fost dawk salvati, 192 kienu tfal.
Il-ħidma saret fuq sensiela ta’ kampijiet tal-Boko Haram f’Bulajilin u Manawashe madwar il-foresta ta’ Sambisa, fejn hu magħruf li l-grupp militanti Iżlamiku hu b’saħħtu. Fil-ħidma militari nqatlu wkoll 30 ġellied tal-Boko Haram.
Tul dawn l-aħħar ġimgħat bdiet tirranka ħidma militari kontra l-Boko Haram wara kważi sitt snin ta’ attività terroristika minn dan il-grupp. Dan il-ġlied wassal għall-mewt ta’ 17,000 persuna u aktar minn 2.5 miljun persuna ħarbu minn darhom.
Sadique Abubakar, il-kap tal-Qawwa tal-Ajru Niġerjana, qal ukoll li din il-ġimgħa kienu saru sensiela ta’ bumbardamenti mill-ajru kontra l-Boko Haram fil-Grigal tan-Niġerja u li dawn servew biex iwittu t-triq għall-batalja finali mal-Boko Haram.
Il-ħidma kontra l-Boko Haram ħadet spinta ’l quddiem wara li f’Mejju kien elett il-President Muhammadu Buhari li fil-kampanja kien wiegħed li se jkisser lill-grupp.
Salvati aktar minn 300 persuna minn idejn il-Boko Haram
