L-ispiża tal-Gvern fuq il-pagi fis-settur pubbliku sal-aħħar ta’ din is-sena se tkun 80 miljun ewro aktar minn dak proġettat fil-Baġit 2015.
Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister għall-Finanzi Mario de Marco meta fil-Parlament kien qed jitkellem waqt id-diskussjoni dwar l-estimi tal-Ministeru tal-Finanzi.
Mario de Marco semma li fl-ewwel sentejn tal-Gvern Laburista, l-ispiża rikorrenti tal-Gvern żdiedet bi 22 fil-mija, jiġifieri kważi d-doppju ta’ dak li ġara fil-leġislatura preċedenti.
Qal li mhux ta’ b’xejn li l-aġenziji ta’ kreditu wissew li ż-żieda qawwija fl-ispiża tas-servizz pubbliku hi ta’ tħassib għall-ekonomija, speċjalment jekk l-ekonomija ma tibqax tikber bir-rata li qed tikber bħalissa.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li r-ritmu tajjeb fl-ekonomija Maltija ma bediex minn meta Joseph Muscat sar Prim Ministru, iżda minn żmien Gvern Nazzjonalista, b’mod partikolari meta l-Ewropa kienet fi kriżi u l-ekonomija Maltija kienet waħda b’saħħitha.
Mario de Marco saħaq li d-dejn taħt il-Gvern Laburista żdied b’600 miljun ewro, jiġifieri 25,000 ewro għal kull siegħa li l-Labour ilu fil-Gvern.
//= $special ?>