Mit-83,000 pensjonant u pensjonanta li hawn f’pajjiżna, 60,000 minnhom mhuma se jieħdu xejn mill-Budget ta’ Joseph Muscat, ħlief il-1.75 ewro li se jkun qed jieħu kulħadd. Dan joħroġ fil-beraħ il-qerq ta’ Muscat, li minflok verament jindirizza l-isfidi li jiffaċċjaw l-anzjani, iqarraq bihom u jtihom l-impressjoni li l-pensjoni tagħhom żdiedet.
Dan qalitu x-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha sostniet li huma biss dawk li għandhom il-pensjoni kontributorja li se jkunu qed jirċievu 140 ewro skont il-Bolol li ħallsu. Qalet li pensjonanti li llum jinsabu fil-faqar mhux se jkunu qed jiżdiedu, ħlief għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja.
Paula Mifsud Bonnici fakkret ukoll li Muscat qed jikser kliemu stess għax fil-Budget ħabbar li se jżid il-Bolla b’sena (minn 40 għal 41 sena) qabel wieħed jirtira.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja, id-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabbiltà Robert Cutajar esprima d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li Joseph Muscat qed iwebbes rasu dwar il-Kumpless tal-persuni b’diżabbiltà minkejja r-reazzjoni negattiva wara li din ġiet żvelata fid-Diskors tal-Budget.
Qal il għandna sitwazzjoni fejn il-persuni b’diżabbiltà u l-qraba tagħhom qed jinsistu li jkunu parti mill-komunità u mhux ikunu maqtugħin għalihom. Madankollu, Joseph Muscat qed jibqa’ jwebbes rasu u jtihom Kumpless fejn ikunu maqtugħin mis-soċjetà. Tkellem ukoll dwar ir-Residenza San Vinċenz de Paul, fejn appella biex il-Gvern jagħtiha l-importanza u mhux iħalliha tiddeterjora.
Robert Cutajar qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista jinsab inkwetat għall-mod kif qed jitmexxew l-affarijiet fl-Aġenzija Appoġġ, filwaqt li appella li t-tfal jibqgħu jingħataw prijorità fil-ħidma tal-Aġenzija.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Housing u l-Ġlieda kontra l-Faqar Stephen Spiteri qal li l-Budget 2016 fih ħafna għall-Prim Ministru Muscat u sħabu, iżda ftit wisq għall-100,000 persuna li jinsabu fir-riskju tal-faqar. Qal li għal darb’oħra, Muscat webbes rasu quddiem is-sitwazzjoni ta’ dawn il-persuni u minflok ħa deċiżjonijiet li jtejbilhom ħajjithom, għażel li jinjorahom.
Stephen Spiteri kkwota l-istatistika uffiċjali tal-NSO, li minnha jirriżulta li l-anzjani f’riskju ta’ faqar żdiedu b’2,500. Sostna li kuntrarju għal dawk li jinsabu fir-riskju tal-faqar, l-uniku wieħed li mar tajjeb f’dan il-Budget hu l-Konsulent tal-Faqar Toni Abela, li qed jaqla’ madwar 70,000 ewro fis-sena fi tliet Konsulenzi mal-Gvern Laburista.
//= $special ?>