Hekk kif il-Pulizija għadha għaddejja bl-istħarriġ tagħha dwar dak li ġara dalgħodu fir-Rabat, anke biex ikun stabbilit jekk l-anzjan mietx kawża tal-impatt jew le, sorsi li tkellmu ma’ NETnews.com.mt qalu li qabel l-impatt bejn iż-żewġ karozzi, l-anzjan ħassu ħażin, bil-vettura tiegħu taħbat fuq wara tal-karozza misjuqa mill-mara.
L-informazzjoni li għandna tgħid ukoll li l-intervent ta’ tim mediku mill-Isptar Mater Dei kien għalxejn, hekk kif l-anzjan miet fil-post.
Aktar kmieni …
Anzjan ta’ 88 sena mir-Rabat kien iċċertifikat mejjet wara li kien involut f’ħabta bejn żewġ karozzi. Il-każ seħħ dalgħodu, għall-ħabta tas-7.20am, fi Triq Sant Aristarku fir-Rabat.
Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li fl-inċident kienu nvoluti karozzi tat-tip Lada Samara, misjuqa mill-anzjan, u Fiat Punto, misjuqa minn mara ta’ 33 sena mir-Rabat ukoll.
L-istħarriġ għadu għaddej, u qed jitmexxa mill-Pulizija mill-Għassa tar-Rabat, biex ikun stabbilit jekk l-anzjan mietx kawża tal-impatt jew le. Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-għassa Gabriella Vella, li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-Inkjesta.
//= $special ?>