Raif Badawi, il-blogger Sawdi li kien ikkundannat għal 1,000 daqqa ta’ frosta fl-Arabja Sawdija ‘talli insulenta l-Iżlam’, rebaħ il-Premju Sakharov għad-drittijiet umani li jingħata kull sena mill-Parlament Ewropew.
Badawi, l-awtur ta’ websajt bl-isem Free Saudi Liberals, kien ikkundannat dwar ‘ir-reat kontra l-Iżlam’ fl-2012 u weħel anki multa u għaxar snin ħabs. Is-sentenza tas-swat bil-frosta qajjmet għadab fuq livell internazzjonali u waqt li Badawi diġà qala’ l-ewwel 50 daqqa (bħala parti mis-sentenza) is-swat sussegwenti, għalissa, qed ikun pospost.
Il-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz ħeġġeġ lir-Re Salman tal-Arabja Sawdija biex jeħles lil Badawi ħalli jaċċetta l-Premju Sakharov ( imsemmi għad-dissidenti Sovjetiku Andrei Sakharov) li jingħata lill-individwi u organizzazzjonijiet ikkunsidrati li taw kontribut sinifikanti għall-ġlieda favur il-ħarsien tad-drittijiet umani.
Aktar kmieni fix-xahar, Badawi rebaħ il-Premju Pen Pinter bħala protagonista tal-espressjoni ħielsa.
Blogger Sawdi jirbaħ il-Premju Sakharov
