Fid-diskors tiegħu li ġab fi tmiemu d-dibattitu dwar il-budget, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali Louis Grech qal li mhux veru li l-Budget kien hemnm ‘ftit għalik u ħafna għalihom’. Kuntrarju għal dan, saħaq Louis Grech, il-Budget li ressaq il-Gvern Laburista se jħalli ħafna flus fil-but taċ-ċittadini, se jinċentiva x-xogħol u se joħloq negozji ġodda.
Fid-diskors tiegħu Louis Grech qal li l-Gvern Laburista qed jaħdem biex joħloq niċeċ ġodda li se jkomplu jkabbru l-ekonomija. Huwa saħaq li l-ekonomija se tkompli titkabbar ukoll permezz tal-Programm tal-Bejgħ taċ-Ċittadinanza.
Louis Grech saħaq li s-suċċessi fil-qasam tat-turiżmu mhumiex grazzi għall-ħidma ta’ Gvern Nazzjonalista li introduċa f’pajjiżna l-linji low cost imma grazzi għat-twaqqif tal-kumpanija tal-ajru nazzjonali l-AirMalta.
Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech sostna li lanqas il-manutenzjoni tal-ajruplani ma bdiet minn strateġija ta’ Gvern Nazzjonalista iżda minn strateġija tal-Air Malta fi żmien meta kien imexxi hu.
Lejn tmiem id-diskors tiegħu Louis Grech elenka numru ta’ kisbiet, li skont hu, qed jagħmel il-gvern tiegħu u saħaq li l-Gvern Laburista se jkompli jġib bidla għal soċjetà iktar ġusta.
//= $special ?>