Formula 1 Sport

Hamilton bla ebda pressjoni fl-aħħar tlett itlielaq

Hekk kif għada jibdew il-provi għall-Grand Prix tal-Messiku, is-sewwieq tal-Mercedes Lewis Hamilton issa se jkun qed jikkompeti bla pressjoni wara li nhar il-Ħadd li għadda ġie inkurunat champion għat-tieni sena konsekuttiva u t-tielet darba fil-karriera tiegħu. Issa la darba t-titlu hu deċiż, u anke dak tal-kostrutturi, Hamilton m’għandu l-ebda pressjoni hekk kif se jkun qed isuq f’dan il-Grand Prix li se jkun qed jirritorna wara ħafna snin. L-aħħar darba li sar GP tal-Messiku kien fl-1993 meta dakinhar kien l-Ingliż Nigel Nasell li rebaħ it-tellieqa filwaqt li l-ewwel darba li sar kien f’Novembru tal-1962.

Minkejja li se jkun qed isuq bla pressjoni żgur li Hamilton irid ikompli jirbaħ biex jikkonferma l-qawwa tiegħu u biex anke jkompli jersaq viċin l-eks sewwieq leġġendarju Alain Prost f’dik li hi klassifika ta’ rebħiet totali. Bir-rebħa li kiseb ġimgħa ilu fil-GP tal-Istati Uniti f’Texas Hamilton kiseb it-43 rebħa fil-karriera u biha qabeż lil Vettel tal-Ferrari li s’issa rebaħ 42. Prost rebaħ total ta’ 51 rebħa filwaqt li Michael Schumacher fl-ewwel post b’91 suċċess. ”Issa għandi moħħi mistrieħ li rbaħt it-titlu u m’għandi xejn x’nitlef. Madankollu jgħarralu min jaħseb li se neħoda bil-mod għax irrid insir l-ewwel sewwieq li jkun rebaħ il-GP tal-Messiku fl-era moderna. Wara li ksibt il-brieret stil Ushanka u tal-cowboys fir-Russja u fl-Istati Uniti ninsab ħerqan biex nirbaħ anke s-sombrero,” qal Hamilton b’ton ironiku.

Dan tal-aħħar kompla billi qal li għadu lanqas kważi qed jemmen li ftit jiem ilu rebaħ it-titlu mondjali u laħaq lill-eks sewwieq Ayrton Senna. Ta min jinnota li Hamilton sar anke l-ewwel sewwieq Ingliż fl-istorja li rebaħ it-titlu għal sentejn wara xulxin.

“Għalina s-sewwieqa it-tellieqa tal-Ħadd li ġej se tkun esperjenza ġdida u ninsab ċert li l-atmosfera se tkun mill-aqwa,” temm jgħid Hamilton f’kummenti li ta ftit jiem qabel it-tellieqa.

Wieħed irid jara x’se tkun ir-reazzjoni tar-rivali ta’ Hamilton, Nico Rosberg wara li dak li seħħ f’Texas. Ir-relazzjoni ta bejn dawn it-tnejn, li qatt ma kienet waħda tajba, marret għall-agħar hekk kif Rosberg qed jakkuża lil Hamilton b’sewqan perikoluż u pront intervjena l-kap tat-tim Toto Wolff li qal li se jsiru diskussjonijiet fil-magħluq biex jiġu ċċarati dawn l-affarijiet.

Rosberg issa jinsab 80 punt taħt Hamilton u niżel fit-tielet post wara Sebastian Vettel tal-Ferrari li issa jinsab 76 u b’hekk l-attenzjoni issa hi dwar id-dwell bejn Vettel u Rosberg. Filwaqt li staġun ilu l-isfida kienet kompletament bejn Hamilton u Rosberg din is-sena, Vettel, fl-ewwel sena tiegħu mat-tim Taljan issorprenda lil kulħadd u kiseb riżultati mill-aqwa.

“Fadal tliet Grand Prix u minkejja li tlift l-isfida ma’ Hamilton irrid naċċerta li nibqa’ nagħti l-massimu tiegħi biex intaffi mid-diżappunt ta’ dawn l-aħħar jiem. Se tkun tellieqa diffiċli għal kull sewwieq minħabba li ħadd għadu qatt ma tellaq f’dan iċ-ċirkwit,” qal Rosberg.
Għal tmiem l-istaġun fadal il-Grand Prix tal-Messiku, tal-Brażil u ta’ Abu Dhabi.