Il-komunità Musulmana f’Malta esprimiet tħassib dwar id-diskussjoni li saret dan l-aħħar fil-Parlament u fil-Kabinett, dwar l-ilbies tal-burka, għax qed tħoss li din qed tiddawwar f’kontroversja politika meta huma biss tliet nisa Musulmani Maltin li jagħżlu li jgħattu wiċċhom kompletament.
Dan kien espress fi stqarrija maħruġa mill-Imam Mohammed El Sadi, li qal li għal diversi snin in-nisa Musulmani f’Malta libsu l-burka u kellohm ħajja normali. Qal li l-ilbies Iżlamiku qatt ma ħoloq theddida għas-sigurtà pubblika għax kulmeta dawn il-Musulmani nisa libsu l-burka, intalbu jdentifikaw lilhom infushom u huma dejjem għamlu dan billi neħħew il-burka.
L-Imam qal li hu insult għall-Iżlam u offiza gravi għall-Musulami u għan-nisa Musulmani li jingħad li l-burka hi simbolu tal-oppressjoni tan-nisa. Hu għamel paraguni mal-libertajiet li għandhom in-nisa f’dinja sekulari u sostna li hekk kif dawn in-nisa għandhom id-dritt li jiddeċiedu x’jilbsu u x’jgħattu, hekk ukoll in-nisa Musulmani għandhom id-dritt li jgħattu jew jikxfu dak li jħossu li hu xieraq għalihom.
Filwaqt li qal li l-Liġi Maltija ma tipprojbixxix lin-nisa milli jilbsu velu reliġjuż, l-Imam qal li l-burka ma tikkontradixxix il-valuri tal-libertajiet tal-Maltin iżda, skont hu, ssaħħaħhom.
//= $special ?>