Lokali

Id-deċiżjoni ta’ Evarist Bartolo waslet biex 800 tifel u tifla spiċċaw jistennew għal LSA

Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’mod pożittiv l-istqarrija li għamel ilbieraħ filgħaxija il-Ministru Evarist Bartolo meta fi tweġiba għall-mistoqsija supplimentari li saret mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Bikrija u Obbligatorja George Pullicino, qal li se jappunta aktar minn Bord wieħed biex jisma’ t-talbiet ta’ tfal b’diżabilita’ jew bżonnijiet speċjali biex ikollhom LSA (Learning Support Assistant).

Madanakollu, l-Partit Nazzjonalista jrid ifakkar li l-lista ta’ kważi 800 tifel u tifla jistennew biex jarahom l-iStatemending Board twalet kif twalet f’dawn l-aħħar sentejn, għax kien il-Ministru Bartolo stess li wara l-elezzjoni qaċċat wieħed mill-Bordijiet li kien hemm sal-aħħar elezzjoni. Dan sar għas-skapitu tal-għalliema, tal-ġenituri u tat-tfal li huma l-iktar fil-bżonn.

Dan wassal biex persuni ilhom issa anke aktar minn 9 xhur jistennew biex jidhru quddiem il-Bord. Kien nhar it-Tnejn stess li l-George Pullicino, waqt id-dibattitu dwar l-Estimi tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, semma l-eżempju ta’ omm li minħabba l-lista twila ta’ stennija biex lil binha jarah il-psikologu tal-isptar, ħaditu għand psikologu privat f’Jannar li għadda. Minkejja li dan il-psikologu ċċertifika li binha għandu bżonn LSA, il-bord se jara lil binha issa fl-aħħar t’Ottubru. Dan ifisser li dan it-tifel regġ’ beda sena skolastika oħra mingħajr LSA.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li meta l-Ministru Bartolo kien fl-Oppożizzjoni, kemm-il darba kien jgħid “it-tfal ma jistgħux jistennew!”, minkejja li l-lista ta’ pendenzi kienet tkun ferm anqas minn dik li hemm illum. Minflok li żied ir-riżorsi biex jeżamina l-każijiet, naqqashom b’kapriċċ u b’pika u issa qed jipprova jiftaħar li se jżied ir-riżorsi meta kien hu stess li naqqashom.