Futbol Sport

Il-grawnd fi Brasilia f’riskju li ma jintużax

Riżultat tal-kriżi ekonomika li jinsab fiha l-Brażil, il-grawnd tal-belt kapitali Brasilia, il-Mané Garrincha Stadium jinsab f’riskju la ma jintużax waqt l-Olimpjadi li se jsiru sena oħra f’dan il-pajjiż. Din bla dubju tkun ħassra, speċjalment minħabba l-fatt li dan il-grawnd hu l-aktar wieħed li sewa flus fost dawk li nbnew biex fihom jintlagħbu partiti mit-Tazza tad-Dinja tal-futbol li saret fl-2014.

Il-Kumitat li qed jorganizza l-Olimpadji ta ċans lill-uffċjali tal-belt ta’ Brasili sa nofs Novembru biex jiffirmaw il-kuntratt u jekk dan ma jseħħx il-partiti tal-futbol tal-Olimpjadi jkollhom jintlagħbu f’belt oħra. Suppost se jkunu seba’ partiti li jintlagħbu fil-grawnd ta’ Brasilia u l-biljetti għal dawn il-partiti ilhom għall-bejgħ xhur. Jekk kemm-il darba jiġi deċiż li ma jsirux logħob tal-futbol fil-belt ta’ Brasilia, il-kumitat orgnizzattiv tal-Olimpjadi jkollu problema biex jagħti lura l-flus lin-nies li diġa’ xtraw il-biljetti u anke bbukkjaw il-lukandi fil-viċinanzi.

Il-partiti tal-futbol tal-Olimpjadi se jintlagħbu f’sitt ibliet madwar il-Brażil biex b’hekk ikunu użati l-grawnds li nbnew għat-Tazza tad-Dinja. Madankollu jidher li issa l-logħob li kien se jintlagħab fi Brasilia se jsir f’belt oħra minħabba d-dejn li ħalla warajh il-gvernatur preċedenti ta’ din il-belt, Agnelo Queiroz.

Il-grawnd ta’ Brasilia ġie jiswa madwar 800 miljun dollaru biex inbena u barra minn hekk, kull sena jridu jintefqu 2.5 miljun dollaru għall-manutenzjoni. Minħabba l-kriżi finanzjarja li tinsab fiha Brasilia din il-manutenzjoni mhijix qed issir u hu għalhekk li l-grawnd mhux qiegħed f’kundizzjoni tajba biex fih jintlagħbu l-partiti. Il-granwd jesa fih 70 elf ruħ u mingħajr manutenzjoni, dawn in-nies ikunu f’riskju kbir ta’ xi inċident.

Ta min jinnota li skont il-kuntratt, jekk Brasilia tospita l-partiti tal-futbol il-qliegħ mill-bejgħ tal-biljetti jmur kollu għall-kumitat organizzattiv u dan żgur mhux qed jinċentiva lill-uffċjali ta’ Brasilia biex jiffirmaw il-kuntratt għax jafu li m’huma se jagħmlu l-ebda dħul finanzjarju li jaf jagħti ftit nifs lil-ekonomija.

Ta min jiftakar li qabel it-Tazza tad-Dinja kien hemm protesti kbar minn naħa tal-poplu li ħallas it-taxxi biex jinbena dan il-grawnd u diversi oħrajn. Sena wara is-sitwazzjoni hi eżatt kif bassru dawn in-nies fejn il-grawnds bilkemm qed ikunu użati. Sa mit-Tazza tad-Dinja l’hawn saru biss madwar 10 partiti fil-Mané Garrincha Stadium. L-uniku avvenimenti oħrajn li saru f’dan il-grawnd kienu żewġ kunċerti tal-kantanti Paul McCartney u Beyonce.

Hu minħabba din ir-raġuni li meta l-Gvern ipprova jipprivatizza dan il-grawnd ma sab l-ebda investituri li kienu lesti jakkwistawh.
Il-gvernatur li ħa post Queroz, Rodrigo Rollemberg kien qed jittama li l-Olimpjadi jerġgħu jagħtu spinta lil dan il-grawnd imma sab ma’ wiċċu dejn ta’ biljun dollaru u riżultat ta’ dan it-tamiet tiegħu sfaxxaw u issa jidher li dan il-granwd se jibqa’ vojt bħal ma ilu għal din l-aħħar sena. Jekk kemm-il darba, l-uffiċjali ta’ Brasilia jiffirmaw il-kuntratt mal-kumitat organizzattiv tal-Olimpjadi, fil-Mané Garrincha Stadium jintlagħbu erba’ partiti mit-turnament tal-irġiel u tlieta tan-nisa.