Lokali Unjoni Ewropea

Immaniġġjar ħażin mill-Gvern wassal għat-telf ta’ €11-il miljun minn Fondi Ewropej – l-Oppożizzjoni

Il-Gvern qabel li jħallas 11-il miljun ewro biex ilesti Triq il-Kosta għax ċeda fondi allokati mill-Unjoni Ewropea minħabba xi irregularitajiet li ndunat bihom il-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Għalkemm dawn jista’ jkun li jingħatawlna mill-ġdid mill-Unjoni Ewropea, f’dan l-istadju l-proġett se jkollu jitkompla mit-taxxi tal-poplu, li setgħu intużaw għal ħafna prijoritajiet oħra.

Qalet dan ix-Shadow Minister għall-Affarijiet Ewropej u Barranin Roberta Metsola, fi stqarrija li fiha sostniet li tinsab sorpriża kif il-Gvern ċeda dawn il-fondi mingħajr ma tant ipprova jiddefendi ruħu. Qalet li hu aktar xokkanti jekk il-Gvern kien jaf bl-irregolaritajiet u baqa’ għaddej bil-proġett.

Min-naħa l-oħra, qalet Roberta Metsola, jekk il-Gvern ma kienx jaf bl-irregolaritajiet, jirriżulta f’negliġenza amministrattiva. Hu x’inhu l-każ, saħqet ix-Shadow Minister, il-poplu se jkollu jħallas mit-taxxi biex il-Ministru Joe Mizzi, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg u Transport Malta isalvaw il-kredibbiltà. Appellat biex xi ħadd jerfa’ r-responsabbiltà għal dak li ġara.

Kompliet li fejn jidħlu l-fondi tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern ma jistax jagħmel li jrid u mingħalih jgħatti l-konsegwenzi. Jekk jintilfu dawn il-11-il miljun ewro, tkun seħħet l-unika telfa maġġuri ta’ fondi fl-istorja ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.

L-istqarrija kienet indirizzata wkoll mix-Shadow Minister għat-Trasport Marthese Portelli, li qalet li każ bħal dan ma jistax jintefa’ taħt it-tapit. Qalet li jekk il-Gvern qed jaħseb li bl-istorja żvelata fix-Xandir tal-Istat għamel biżżejjed, sejjer żball għax il-poplu jibqa’ jistaqsi għall-ispjegazzjonijiet. Hi appellat li l-poplu jsir jaf, bit-trasparenza kollha, kif saru l-affarijiet.

Marthese Portelli qalet li l-poplu ma jinteressahx fil-battibekk bejn il-Ministri, Transport Malta u d-Dipartiment tal-Gvern dwar min għandu tort. Jinteressah biss li dan kollu seħħ minħabba immaniġġjar ħażin li jgħaġġbek.