Internazzjonali

IN-NAZZJONIJIET UNITI – Ħaddiema mill-Korea ta’ Fuq suġġetti għal xogħol sfurzat f’pajjiżi oħra

Espert dwar id-drittijiet umani man-Nazzjonijiet Uniti qal li ’l fuq minn 50,000 persuna mill-Korea ta’ Fuq intbagħtu jaħdmu barra minn pajjiżhom, fil-parti l-kbira tagħhom fiċ-Ċina u r-Russja. Ingħad ukoll li dawn in-nies qed jaħdmu f’kundizzjonijiet simili għal xogħol sfurzat.
Marzuki Darusman, ir-rappreżentat speċjali tan-NU, qal li l-Korea ta’ Fuq qed timxi dejjem aktar fuq prattika li permezz tagħha tesporta lill-ħaddiema għall-kambju li hu stmat bejn il-$1.2 u ż-$2.3 biljun fis-sena. Darusman spjega s-sitwazzjoni ta’ dawn il-Koreani fir-rapport annwali lill-Assemblea Ġenerali tan-NU li din is-sena, mill-ġdid, għandha tadotta riżoluzzjoni ta’ kundanna għar-rekord tal-Korea ta’ Fuq fejn jidħlu drittjiet tal-bniedem.
Skont Darusman, iċ-ċittadini tal-Korea ta’ Fuq intbagħtu għax-xogħol f’diversi bnadi tad-dinja u l-kundizzjonijiet tagħhom jistgħu jitqabblu ma’ xogħol sfurzat li qed ikun impost fuqhom mill-Gvern tagħhom u wkoll mill-gvernijiet tal-pajjiżi fejn jinsabu.
Darusman wissa fir-rapport li l-kumpaniji li jqabbduhom jitqiesu bħala kompliċi f’sistema ta’ xogħol sfurzat li mhix aċċettabbli.
Dan waqt li l-ħaddiema ma jafux bid-dettalji tal-kuntratti tagħhom li huma nnegozjati mir-reġim Komunista fi Pyongyang.
Darusman kompla li kollox ma’ kollox, ma sar l-ebda titjib fis-sitwazzjoni tad-drittijiet umani fil-Korea ta’ Fuq li hi waħda ħażina għall-aħħar. Dan meta r-reġim fi Pyongyang għadu jibbaża fuq network kbir ta’ kampijiet ta’ priġunerija u kumplessi fejn jispikkaw l-eżekuzzjonijiet u t-tortura tan-nies, flimkien ma’ sistemi ta’ priġunerija arbitrarja taħt ċirkostanzi li jiċħdu kważi għalkollox id-drittijiet umani bażiċi.
Ir-rapporteur, fl-istess ħin, irrefera għall-bidliet gradwali fil-Korea ta’ Fuq li jinkludu użu akbar ta’ telefowns ċellulari u l-ftuħ ta’ negozji żgħar.
Madankollu, Darusman appella mill-ġdid biex il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jirreferi lill-Korea ta’ Fuq lill-Qorti Kriminali Internazzjonali ħalli twieġeb dwar reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità. Hu mistenni, iżda, li ċ-Ċina, bħala alleata ta’ Pyongyang, teżerċita l-veto fil-Kunsill biex topponi dan il-pass.