Uffiċjal ewlieni f’Moska qal li l-grupp terroristiku ISIS għandu mezzi għall-produzzjoni ta’ armi kimiċi.
Mikhail Ulyanov, id-Direttur għall-Kontroll tal-Armi mad-Dipartiment Russu għall-Affarijiet Barranin, żvela dan lill-aġenzija tal-aħbarijiet Tass, filwaqt li appella biex ikun investigat l-użu ta’ elementi għal gwerra kimika mit-terroristi tal-ISIS fl-Iraq u s-Sirja.
Ulyanov spjega li fil-każ tal-ISIS diġà teżisti sitwazzjoni fejn l-użu tal-klorin ma jikkonċentrax biss fuq l-iskopijiet militari. Dan l-uffiċjal irrefera wkoll għal akkużi simili fil-konfront tal-Gvern Sirjan li għadhom mhumiex appoġġjati bi provi konkreti.
Ulyanov kompla li t-tagħrif kollu juri li l-ISIS tassew kiseb aċċess għat-teknoloġiji għall-manifattura ta’ armamenti kimiċi. Hu saħaq li diġà kienu rreġistrati numru ta’ ‘fatti’ dwar l-użu ta’ armi kimiċi mit-terroristi tal-ISIS fit-territorji tal-Iraq u s-Sirja.
Ir-Russja twissi… l-ISIS għandu aċċess għall-armi kimiċi
